Ħarsa profonda!

Ħarsa profonda!

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-Tlugħ fis-Sema tal-Mulej.

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Il-Mulej wera l-ġustizzja tiegħu lill-ġnus.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù wera ruħu lill-Ħdax u qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu. Min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat. U dawn huma s-sinjali li jsieħbu lil dawk li jemmnu: f’ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu b’ilsna ġodda, jaqbdu s-sriep b’idejhom, u jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt ma jagħmlilhomx ħsara; iqiegħdu jdejhom fuq il-morda u dawn ifiqu”.
 
U hekk il-Mulej Ġesù, wara li kellimhom, kien imtella’ fis-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla. Huma mbagħad marru jipprietkaw kullimkien; il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.

(Mk 16:15-20) 

pexels/shvetsa: a profound gaze

Riflessjoni u talba:

i. Ġesù wera ruħu lill-Ħdax u qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu.”

Diġà kienu inqas milli bdew –
minn tnax ġa ġew ħdax! –
u quddiem it-trawma li ġarrbu
tgħid aħjar jirtiraw?
 
Ġesù Rxoxt jagħti direzzjoni oħra
għall-ħarsa tagħhom:
morru … tibżgħux, teħlux
fid-dinja kollha … m’hemmx ambjent wieħed li Alla mhux interessat fih
xandru l-Evanġelju … m’hemmx ambjent wieħed li l-Aħbar it-tajba ma tistax iddawwal.

Irrifletti

  • Liema ħarsa tmexxik bħala nisrani?
pexels/keefe tay: God of unlimited trust.


ii. 
U dawn huma s-sinjali li jsieħbu lil dawk li jemmnu: f’ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu b’ilsna ġodda, jaqbdu s-sriep b’idejhom, u jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt ma jagħmlilhomx ħsara; iqiegħdu jdejhom fuq il-morda u dawn ifiqu”..

Iftaħ għajnejk biex tinnota s-sinjali:
nies li jħossuhom bla valur,
jinfetħu quddiem presenza ta’ ħarsa ġenwina;
f’dinja ta’ kuntrast bejn iż-żieda tal-mezzi u l-faqar fil-komunikazzjoni,
il-lingwa tal-imħabba tippenetra l-iżolament;
nies ta’ fidi li ma jibżgħux jidħlu f’sitwazzjonijiet kumplessi,
iġibu l-ġid, jikkontribwixxu għall-verità, jiġġeneraw paċi.

Irrifletti

  • Fejn innutajt sinjali sbieħ ta’ nies ta’ fidi?

pexels/didsss: eyes to see that something is happening.


iii. U hekk il-Mulej Ġesù, wara li kellimhom, kien imtella’ fis-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla. Huma mbagħad marru jipprietkaw kullimkien; il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.

Dak li qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla,
il-post tal-unur, tal-glorja, tal-qawwa
huwa dak li hu preżenti, isostni, iqawwi,
il-kelma li ssir azzjoni li tiġġenera sbuħija u qawwa.
 
Issa aħna wkoll immorru nipprietkaw kullimkien
saqajna jterrqu fl-art
ħarset qalbna fil-lemin tal-Missier.

Irrifletti

  • Liema kliem qed jiġi segwit b’mirakli?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.