Is-Sorpriżi f’Alla Trinità
Niċċelebraw l-Evanġelju tas-Solennità tat-Trinità Qaddisa.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Hieni l-poplu li l-Mulej għażel b’wirtu.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù. Kif rawh, inxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien”.
(Mt 28:16-20)
Riflessjoni u talba:
i. F’dak iż-żmien, il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù.
Ġesù Rxuxtat kien qalilhom lin-nisa:
“Tibżgħu xejn;
morru wasslu l-aħbar lil ħuti biex jitilqu lejn il-Galilija;
lili jarawni hemmhekk.” (Mt 28:10)
L-esperjenza ta’ Alla,
Trinità qaddisa,
ma sseħħx f’kontenut ta’ ktieb
iżda fil-kumplessità tal-Galilija
fil-qalba tal-kurrenti differenti
f’nofs id-diversità ta’ popli,
ilkoll ifittxu, bil-mod tagħhom,
umanità aktar sabiħa.
Irrifletti
- F’liema Galilija mistiedna niskopru lil Alla?
ii. Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha.
L-esperjenza fi ħdan Alla Trinità:
setgħa, awtorità, li wieħed jirċievi
bħala rigal u mhux pussess
bħala xi ħaġa li tingħata,
bħala xi ħaġa li tgħaddi;
mhux ta’ min marbut mas-siġġu tal-poter
iżda ta’ qawwa li tgħin lil ħaddieħor iqum u jimxi;
mhux ta’ min juża’ s-setgħa biex jikkontrolla
iżda ta’ min iħaddem awtorità biex jillibera.
Morru … u agħtu s-setgħa lil ħaddieħor ukoll!
Irrifletti
- Kif tara l-awtorità, t-talenti, l-kwalitajiet li għandek? Bħala rigal jew bħala pussess?
iii. U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien.
Is-sbuħija ta’ Alla Trinità:
li jkun ma’ (being with):
magħna bi presenza li tinħass:
juri min hu, mhux jinħeba
f’kuntatt ġenwin, mhux f’distanza klinika
magħna fi djalogu reali,
ta’ kliem u silenzju,
kemm Hu u kemm aħna
magħna fis-sostenn li jagħtina huwa u jafdana bil-ħajja ta’ ħaddieħor
magħna fis-sostenn li jagħżel li jirċievi mingħandna stess
magħna bil-ferħ, bl-entużjażmu – l-eċċitament ta’ Alla –
quddiem il-possibilitajiet li jibqa’ jnissel fl-istorja
quddiem il-kreattività tal-bniedem meta jagħżel li jħobb,
meta jagħżel li hu wkoll ikun ma’ ħaddieħor.
Irrifletti
- B’liema mod tista’ tkun ma’ ħaddieħor?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.