“Araw idejja”
READING TIME: 4 MINUTES
Mument ta’ talb fid-dar: biex immarkati idejn Ġesù? u Idejk?
Preparazzjoni: Ipprepara l-post għat-talb: xemgħa, salib, pjanta jew xi ħaġa hand made.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Għannu lill-Mulej għanja ġdida,
għax għamel ħwejjeġ ta’ l-għaġeb.
Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,
u d-driegħ imqaddes tiegħu. (Salm 98, 1)
1. Nisimgħu il-Kelma: mill-Vanġelu skont San Ġwann
Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna lill-Mulej”. Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx”. Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”.Imbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen”. Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”. Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu”.
2. Talba:
“Ġib sebgħek hawn u ara idejja”.Mulej Ġesù,bħalissa anke tal-idejn ġejna konxji:ma tistax tieħu b’idejn dak li jkun, trid taħsel idejk sew,toqgħod attent li jdejk ma jmissux l-għajnejn jew il-ħalq, ma jmorrux idaħħlu virus li joqtol.Inti il-Ħaj, dak li qomt mill-mewt, tgħidilna nużaw għajnejna u naraw idejk.
Jiġuni f’moħħi l-idejn tal-bdiewa:
idejn immarkati mix-xogħol tar-raba’, bid-dedikazzjoni biex jieħdu ħsieb il-ħamrija u jkabbru tadam sabiħ (u tant frott ieħor).
Idejk ukoll immarkati!
Dawk idejk li permezz tagħhom issawwar l-ewwel Adam mit-trab tal-art u n-nifs divin;
Dawk l-idejn immarkati mid-dedikazzjoni tiegħek sal-aħħar għall-ġid tal-bniedem;
Idejn li messew lil persuni morda bil-ġdiem u imwarrba minn kulħadd: għalhekk sallbuk barra mill-belt;
Idejn li fejqu lir-raġel għama u għalhekk ikkundawk għat-tislib: ma xtaqux il-Verità;
Idejn li refgħu lil min kien se jegħreq; dawk l-idejn sallbuhom il-vuċijiet ta’ min jaħseb li jista’ jiddeċiedi min għandu jgħix u min le;
Idejk immarkati bil-pjagi tal-imħabba: imħabba li tagħżel li issalva lil kulħadd.
Jien u nara idejk, imlieni bil-fiduċja fik:
li mhux ser jisparixxu l-marki fuq idejk,għax d-dedikazzjoni tiegħek għalina qatt mhu se tiġi nieqsa.
U bierek l-idejn tagħna
Bħalissa ċertu servizzi tal-idejn magħluqa.
Ħu ħsieb Inti ta’ idejna,
naddafhom minn kull tip ta’ virus, minn dak li jġib il-mewt,
mill-Covid-19, mill-idejn li jgħidu “ma jimpurtanix” mill-bżonn ta’ ħaddiehor,
mill-idejn/ponn li jesprimu mibegħda u stmerrija lejn xi persuna oħra,
minn idejna li jaħtfu u jeqirdu flok jieħdu ħsieb il-ħolqien.
Agħmel li fl-aħħar ta’ ħajti issib l-idejn tiegħi immarkati bħal tal-bidwi u bħal tiegħek:
idejn immarkati mill-ġid li ippruvajt nagħmel.
3. The 5 Finger prayer.
Tista’ tuża dan il-metodu sempliċi ta’ talb li kien ippropona l-Papa Franġisku.
Itlob bil-5 swaba ta’ jdejk: ibda bis-seba’ l-kbir.
a. Seba’ l-kbir – Dawk qrib tiegħek: Huwa l-eqreb lejk. Ibda billi titlob għal dawk li huma qrib tiegħek.
b. Il-werrej – Għalliema: Nitolbu għal dawk li jgħallmuna, jagħtuna parir tajjeb, jagħtuna l-fejqan. Għandhom bżonn sapport u għerf sabiex jagħtu d-direzzjoni lill-oħrajn. Nitolbu għalihom.
c. Il-fustani – Għall-mexxejja: Dan is-seba’ huwa l-itwal u jfakkarna f’dawk li għandhom pożizzjoni ta’ awtorità. Għandhom bżonn il-gwida t’Alla.
d. Taċ-ċurkett – Għall-Morda: Għal dawk li huma morda u l-aktar dgħajfa: Ir-raba’ sebgħa huwa dak taċ-ċurkett u, forsi tidher stramba, huwa l-aktar wieħed dgħajjef. Ifakkarna f’dawk l-aktar dgħajfa, il-morda, dawk li għandhom ħafna problemi.
e. Iż-żgħir – għalik innifsek: Wara li tkun tlabt għal kulħadd, titlob għall-bżonnijiet tiegħek minn perspettiva aħjar u allura b’mod aħjar.