L-Għid il-Kbir – Tibżgħux … il-Paċi magħkom

L-Għid il-Kbir – Tibżgħux … il-Paċi magħkom

Preparazzjoni:

Post:

Ipprepara l-post għat-talb: Xemgħa, Fjura.

Mużika:

Isma’ l-Hallelujah preferita tagħkom.
Il-kelma Lhudija Hallelu-jah tfisser “tkun imfaħħar, Mulej.

Handel’s Messiah:

“Broken Hallelujah”:

 

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael,
li waħdu jagħmel ħwejjeġ ta’ l-għaġeb.
Imbierek għal dejjem ismu msebbaħ;
timtela l-art kollha b’sebħu! (Salm 72, 18-19)

1. Nisimgħu il-Kelma: mill-Vanġelu skont San Mattew (28, 1-10)

Meta għadda s-Sibt, maż-żerniq tal-ewwel jum tal-ġimgħa, Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra marru jaraw il-qabar. U ara, inħasset theżhiża kbira għax niżel anġlu tal-Mulej mis-sema, u resaq igerbeb il-ġebla u qagħad bilqiegħda fuqha. Id-dehra tiegħu kienet bħal berqa; ilbiesu abjad bħas-silġ. Bil-biża’ tiegħu l-għassiesa qabdithom rogħda u saru qishom mejtin.

Iżda l-anġlu qabad u qal lin-nisa: “Tibżgħu xejn intom għax jiena naf li qegħdin tfittxu lil Ġesù li kien imsallab. Mhuwiex hawn, għaliex qam, kif kien qal. Ejjew araw il-post fejn kien qiegħed. U morru malajr għidu lid-dixxipli tiegħu: “Qam mill-imwiet. U araw, huwa sejjer il-Galilija qabilkom: tarawh hemmhekk”. Araw, għedthulkom”.

Dawk telqu malajr minn ħdejn il-qabar, kollhom biża’ u ferħ kbir, u marru jiġru jagħtu l-aħbar lid-dixxipli tiegħu. U ara, iltaqa’ magħhom Ġesù u qalilhom: “Is-sliem għalikom”. Huma resqu lejh, qabdulu riġlejh u nxteħtu quddiemu. Imbagħad Ġesù qalilhom: “Tibżgħu xejn; morru wasslu l-aħbar lil ħuti biex jitilqu lejn il-Galilija; lili jarawni hemmhekk”.

2. Talba:

“Tibżġħu xejn intom li qed tfittxu lil Ġesù”
“Is-Sliem għalikom”

Mulej Ġesù
il-biża’ tagħna li kollox jispiċċa fix-xejn,
li ma nafux x’ser jiġri,
kemm se ndumu hekk.
li kollox għalxejn,

Imma jekk int,
li fittixt biss li tagħmel il-ġid,
li ħabbejt kif stajt u sakemm stajt,
jekk int li qatluk,
QOMT;
jekk l-għassa ta’ dawk li riedu jeqirduk saru qishom mejtin,
u inti QOMT
u mort tfittex lil min ifittxek
u għidtilhom: “Tibżgħu xejn. Il-Sliem għalikom”

Allura t-tajjeb li nagħmlu mhux għalxejn;
Il-ħażin mhux ser jirbaħ;
li nimpenjaw ruħna biex inħobbu kif nistgħu mhux mitluf;
li nfittxu l-verità fl-istudju
u l-ġustizzja fix-xogħol
se jwassal għall-qawmien ukoll.

Tibżgħux. Is-Sliem għalikom.

Eżerċizzju:

F’dawn il-ġranet skoprejt xi ħaġa sabiħa? Xi sorpriża li ma stennejtx? Xi ħaġa li għamlitlek kuraġġ? Saħħa biex tkompli?

Tibżgħux intom li qed tfittxu lil Ġesù: X’qed tfittex? Kif tixtieq tgħix il-granet li ġejjin?

3. Missierna li inti fis-smewwiet …

Missierna, li inti fis-smewwiet
Jitqaddes Ismek,
Tiġi saltnatek, ikun lit rid int,
Kif fis-sema hekkda fl-art.
Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum.
Aħfrilna dnubietna,
Bħalma naħfru lil min hu ħati għalina,
U la ddaħħalniex fit-tiġrib
Iżda eħlisna mid-deni.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.

Nagħlqu b’mużika sabiħa li torbot mal-ferħ u t-tama tal-Għid il-Kbir:


Jekk tixtiequ … iżfnu.

L-Għid t-tajjeb!

 

 

Comments are closed.