“Jiena t-triq”

“Jiena t-triq”

Mument ta’ talb fid-dar fil-5 Ħadd tal-Għid.

Preparazzjoni: Ipprepara l-post għat-talb: xemgħa, salib, mappa.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Ninsabu fil-presenza t’Alla:

Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,
ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.
Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek,
huma jwennsuni.” (Salm 23, 4)

“Min jimxi fid-dlam b’ebda dawl fih, ħa jittama fil-Mulej,
u jistrieħ fuq Alla tiegħu.” (Iżaija 50, 10)


Salm 32 (33)

Isma’ dan is-Salm kantat billi tagħfas play.

Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Għannu, ġusti, bil-ferħ lill-Mulej;
jixirqilhom ifaħħruh in-nies sewwa.
Faħħru l-Mulej bid-daqq taċ-ċetra;
għannulu fuq l-arpa b’għaxar kordi.

Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Għax sewwa hi l-kelma tal-Mulej,
kollox bil-fedeltà huwa għamel.
Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;
bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art.

Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,
fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,
biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,
u jaħjihom fi żmien il-ġuħ.

Hallelujah, hallelujah, hallelujah


L-Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 14, 1-12)

“Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll. Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet; li ma kienx hekk, kont ngħidilkom. Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu. 

U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll. U t-triq għall-post fejn sejjer tafuha.” Tumas qallu: “Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?” Wieġbu Ġesù: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.


Riflessjoni u talba:

Min jgħix f’dar żgħira u bħalissa magħluq ġewwa, japprezza aktar minn qabel il-ftuħ, il-bżonn li “tibdel ftit l-ambjent”, li toħroġ u tieħu “naqa’ nifs”.

Fil-ħajja jiġu żminijiet aktar diffiċli minn oħrajn. Tħossok taqta’ nifsek! “Kemm se ndumu hekk?”

Ġesù, f’mument fejn kien qed jaffaċċja kriżi kbira li kellu jgħix waħdu, jgħid dan il-kliem:

“Tħallux qalbkom titħawwad!”
“Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet.”


Fejn il-konfoffa qed tross fuqu biex “iddaħħlu ġo sqaq” u teqirdu, Hu jitkellem fuq fiduċja, spazji ta’ libertà, futur.
It-tlieta importanti għalina.

Imma possibbi? Jew naqtgħu qalbna?
Bħal Tumas nixtiequ naraw fejn se naslu?

“Ma nafux fejn inti sejjer!”

Ġesù jkompli:

“Jien hu t-triq, il-verità u l-ħajja!”

Hemm futur!
X’ser ikun m’aħniex narawh.
Żgur li mhux in-“normalità” ta’ qabel.
Ġesù jwassal għall-ġdid ta’ Alla.

Jiena hu t-triq

Jista’ jkun li konna qed niġru minn ħaġa għal oħra,
Maqbuda fit-traffic, mgħaġġlin, ansjużi,
Imma bla ma nafu għalfejn qed nagħmlu dak li qed nagħmlu!
Studju, xogħol, familja, bini, tiżjin, divertiment, laqgħat, quddies, …
Immexxijin minn viżjoni “short-term”.

Artist poġġa mistoqsija interessanti: Jista’ jkun li dan il-vajru li qed jinvadi l-ispazji tagħna, qed jurina x’konna qed nagħmlu aħna lid-dinja?” (Patrick Altes: “Are we similar to this all invasive and deadly virus to the world we inhabit?”)

Hemm triq oħra kif ngħixu.
Ġesù t-triq.
Xi jfisser li ngħix lil Kristu, l-istil tiegħu?
kif inħarsu lejn d-dinja?
x’tip tip ta’ effetti inħallu?
kif nieħdu ħsieb xulxin?

Jiena l-verità

F’daqqa waħda indunajna li għandna bżonn il-verità.
Fejn sibna mexxejja li dehru li jafu x’qed jgħidu, onesti fl-informazzjoni li qed jgħaddu, bdejna inserrħu moħħna

Bdejna ningħaqdu
U l-pandemija ma wasslitx għal pandimonju!
Waqt li bdejn nilbsu l-maskri li jipproteġu l-ħajja,
Bdejna nikxfu l-maskri li jhedduha u joħolqu firda:
Il-gimmicks, il-bżar fl-għajnejn, il-qerq, il-fake news …
Ġesù l-verità. U qalilna “Il-verità teħliskom”.

Jiena l-ħajja

Mhux biss għarafna li l-ħajja prezzjuża
Imma anke li l-bniedem mhux bil-flus biss jgħix.
Anke bil-ħobż magħmul d-dar.
Xi ħadd osserva: “Kollox spiċċa. Kulma baqagħlna r-relazzjonijiet!”
Diversi studenti stqarru: “Anke dak li jogħġobna beda jdejjaqna (b’riferenza għall-games).

Il-qalb imxennqa għal xi ħaġa iżjed.
Il-bniedem jgħix bil-kelma li toħroġ minn fomm Alla.
Kelma li toħloq relazzjoni … ta’ mħabba … dik ħajja!
Ġesù l-ħajja! Fejn skoprejt vera ħajja dan l-aħħar?

Tumas

Tumas xtaq jara ċar il-futur, fejn ser naslu.
Ġesù qallu biex l-ewwel jimxi l-vjaġġ imbagħad jasal:

Jien t-triq, il-verità u l-ħajja.

Tumas qal lid-dixxipli “Jekk ma narax il-marki tal-imsiemer … ma nemminx”.

Mhux se nimxi wara Ġesù jekk it-triq spiċċat ġo qabar.
Mhux se nafda l-verità meta jidher li l-gidba rebħet.
Aħjar nagħżel il-mewt mill-ewwel jekk il-ħajja xorta se tispiċċa tmut.

Imbagħad mess il-pjagi ta’ dak li għadda mill-kriżi u rxoxta u qal:

“Mulej tiegħi u Alla tiegħi”.

Hemm futur.
Naf fejn se niddedika ħajti.


Nitolbu l-Missierna flimkien

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Ħajr:

Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.
Chris Bugeja, għall-kant tas-salm.

Comments are closed.