Tintilifx fid-dettall

Tintilifx fid-dettall

Mument ta’ talb: Il-Ħamsa u Għoxrin Ħadd Matul is-Sena A


Niċċelebraw l-Evanġelju tal-Ħadd

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, mument ta’ silenzju


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

F’qalbi hemm xewqa għall-ġustizzja vera:

Ġust il-Mulej fl-imġieba tiegħu kollha,
twajjeb f’dak kollu li għamel.
Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu
lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa.

(Salm 144)

woman in blue denim jacket standing near body of water during daytime

L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew (Mt 20, 1-16)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed sid li ħareġ filgħodu kmieni ħafna biex isib nies tax-xogħol u jħaddimhom fl-għalqa tiegħu tad-dwieli. Ftiehem ma’ xi ħaddiema b’dinar kull jum u bagħathom l-għalqa. Ħareġ ukoll madwar it-tielet siegħa, ra oħrajn qegħdin fil-pjazza, bla xogħol, u qalilhom: “Morru intom ukoll l-għalqa, u nagħtikom li jkun ħaqqkom”. U marru.

Raġa’ ħareġ għal xi s-sitt siegħa u mbagħad għal xi d-disgħa siegħa, u għamel l-istess. Għall-ħabta tal-ħdax-il siegħa raġa’ ħareġ u sab oħrajn qiegħda, u qalilhom: “Għaliex qegħdin hawn il-jum kollu ma tagħmlu xejn?”. Qalulu: “Għax ħadd ma qabbadna”. Qalilhom: “Morru intom ukoll l-għalqa”.

Għal fil-għaxija mbagħad sid l-għalqa qal lill-prokuratur tiegħu: “Sejjaħ lill-ħaddiema u ħallashom, ibda minn dawk li ġew l-aħħar u spiċċa b’dawk tal-ewwel”. Ġew dawk li daħlu għax-xogħol fil-ħdax-il siegħa u ħadu dinar kull wieħed. Ġew tal-ewwel, u stennew li kienu se jirċievu iktar, iżda huma wkoll ħadu dinar kull wieħed. Huma u jitħallsu qabdu jgemgmu kontra s-sid u jgħidu: “Dawn tal-aħħar siegħa waħda għamlu, u int qisthom bħalna li tgħabbejna bil-piż tal-jum u s-sħana!”. Qabeż is-sid u qal lil wieħed minnhom: “Ħabib, minn xejn ma nqastek jien; mhux b’dinar ftehemt miegħi? Ħu li jmissek u itlaq. Lil dan tal-aħħar irrid nagħtih daqs kemm tajt lilek. Ma nistax nagħmel li rrid bi ħwejġi jien? Jew qiegħed tgħir għax jien qalbi tajba?”. Hekk tal-aħħar jiġu l-ewwel, u tal-ewwel jiġu l-aħħar”.

(Mt 20, 1-16)


Riflessjoni u talba:

Jgħidu: “The devil is in the detail”.
Imma Alla ma jeħilx hemm.
Jaf jidħol fid-dettall u b’mod kreattiv jiftaħ possibilitajiet ġodda li ma konniex nobsruhom.

i. “Ħabib”


Ġieli ninnutaw dettall u nitfixklu fih. Nitilfu l-perspettiva.
“Dawn tal-aħħar siegħa …”: “dawn” ġiethom tajba – “mhux bħalna”!
Ma “batewx bħalna”, “il-ħajja tiġihom faċli”, “il-familji tagħhom kellhom inqas problemi” …
U malajr nikkonkludi “għandu jkun twelidt taħt stilla ħażina!”
Inqabbel, ninkedd, naħseb li ġejt trattat b’mod inġust mhux għax xi ħadd naqas lili, iżda għax xi ħadd ħenn għal ħaddiehor.
 
Is-sid jersaq qrib
b’ġest ta’ kompassjoni:
Ħabib“, qallu.
U bil-kalma jagħtih perspettiva ġdida.

  • Hemm xi ġest ta’ kompassjoni simili li rċevejt u li tixtieq tiċċelbra?
  • Hemm xi mument fejn inti ersaqt lejn xi ħadd bl-istess kompassjoni? (eż. Jekk ġenitur, meta ersaqt lejn xi ħadd mill-ulied li ħa għalih għax tajt attenzjoni lill-wild l-ieħor; meta ċempilt lil xi ħadd mill-ħbieb li kien ser jiksirha mal-bqija għal raġuni żbaljata; jekk taħdem fl-HR meta ersaqt lejn xi impjegat biex tispjega xi sitwazzjoni aħjar; jekk saċerdot xi azzjoni biex iġġib l-għaqda fil-komunità).

ii. “Xejn ma nqastek jien”

Bħat-tgħanniqa ta’ omm li tassigura l-imħabba sħiħa lejn l-iben/bint;

Dan il-kliem tas-sid ifakkar lill-persuna li tah kollox bla kundizzjoni.

Dinar kienet il-paga ta’ ġurnata – l-meħtieġ għall-ħajja.

(Min jaf dawk li għamlu ġurnata jistennew bla xogħol, kif tertqu qalbhom jistennew biċċa xogħol biex forsi jitimgħu lill-familja! Kif stabru ftit meta almenu sabu siegħa xogħol! U x’sorpriża meta ingħataw mhux skont x’ħadmu iżda skont x’għandhom bżonn!)

Tajjeb li nħallu l-memorja tagħna titfejjaq.

Kultura ta’ entitlement – fejn kollox bi dritt –  tpoġġina f’loġika ta’ paragun u kalkolu,

u ċċajpar il-viżta tagħna: ma nibqax nagħraf kemm jien maħbub.

  • Ieqaf fit-talb u itlob lil Alla jeħles il-qalb mill-għira jew il-qrusa. Ħalli lil qalbek tistrieħ fl-assigurazzjoni li jħobbok bla kundizzjoni.
  • Fis-soċjetà tagħna, fejn tara l-bżonn li ninqalgħu mill-għira u l-qalb iebsa lejn xulxin? Per eż. meta iffukati fuq d-drittijiet tagħna ma narawx il-bżonn ta’ ħaddieħor; meta nħossuna tant “tajbin” li ma nkunux lesti nagħtu ċans ieħor lil min żbalja u qed jipprova jirranġa (fl-istess familja, lejn min qed il-ħabż …); meta niġġudikaw lil min ġietu ħażin fil-ħajja (jekk bla xogħol, “Żgur tort tiegħu jew għax għażżien!”; jekk immigrant: “għax ma jmurx lura mnejn ġie”).

iii. “Jew qed tgħir għax qalbi tajba”

Mill-ġdid, faċli li nintilef fid-dettall: meta nara lil Alla (jew xi ħadd ieħor) ikun ġeneruż ma’ xi ħadd naħseb li se jinsa lili, se jnaqqas minn tiegħi.

Meta l-imħabba tinbidel f’pussess ta’ xulxin, tifga l-istess relazzjoni: jidħol is-suspett u l-għira.

Min jitmexxa mill-għira, jintilef fid-dettall: jikkalkula kemm jagħti u kemm le; jikkalkula kemm għandu hu u kemm għandu ħaddiehor; xi stajt nakkwista aktar.

Filwaqt li min jintmess mill-ġenerożità ta’ Alla, ma jingħalaqx fid-dettall: ikun aktar spontanju; iwieġeb għas-sitwazzjoni bi kreattività; jfittex li jkun ġust mingħajr ma jfittex li jogħġob lil kulħadd.

  • Min huma n-nies li urewk ħbiberija ġenwina filwaqt li bnew ħbiberiji ġenwini ma’ oħrajn ukoll: mingħajr ma waħda naqqset lill-oħra?
  • Dan l-Evanġelju kif jgħinek tinħeles milli toqgħod il-ħin kollu tkejjel u tikkalkula u tiskopri l-libertà ta’ min hu ġeneruż, tal-qalb kbira t’Alla?

Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Ammen

Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.