Alla pro-choice!

Alla pro-choice!

Mument ta’ talb: It-30 Ħadd Matul is-Sena A


Niċċelebraw l-Evanġelju tal-Ħadd

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, mument ta’ silenzju


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Meta nagħarfu lil Alla, fiċ-ċentru ta’ ħajjitna jkun hemm qalb:

Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi!
Il-Mulej blata tiegħi,
fortizza u ħellies tiegħi.
Alla tiegħi, sur tal-kenn tiegħi u tarka tiegħi,
qawwa tas-salvazzjoni tiegħi u kenn tiegħi!

Insejjaħ lill-Mulej, li hu ta’ min ifaħħru,
u nkun meħlus mill-għedewwa tiegħi.
Ħaj il-Mulej! Imbierek hu, il-blata tiegħi!
Ikun imfaħħar Alla tas-salvazzjoni tiegħi!
Hu jkabbar ir-rebħ lis-sultan tiegħu,
juri mħabbtu mal-midluk tiegħu.

(Salm 17)

Love God with all your heart.

L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew (Mt 22, 34-40)

F’dak iż-żmien, il-Fariżej, meta semgħu kif lis-Sadduċej kien saddilhom ħalqhom, inġabru madwaru, u wieħed minnhom, għaref fil-Liġi, għamillu din il-mistoqsija biex iġarrbu: “Mgħallem, liema hu l-kmandament il-kbir, fil-Liġi?”. Qallu Ġesù: ““Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu”. Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed. U t-tieni jixbhu: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”. Dawn iż-żewġ kmandamenti huma l-qofol tal-Liġi kollha u tal-Profeti”.

(Mt 22, 34-40)


Riflessjoni u talba:

F’dinja

  • fejn il-possibilitajiet żdiedu  ħafna,
  • fejn tista’ tagħżel bejn elf prodott (anke mill-kumdità tad-dar),
  • fejn il-kmandament prinċipali kultant jinħass: “ħalli lil kulħadd jagħmel li jrid”

Qisu tista’ tagħżel kollox barra li tħobb: titpoġġa f’pożizzjoni fejn

  • ma tistax tħobb il-pajjiż filwaqt li tirrispetta l-immigrant;
  • ma tistax tħobb il-familja filwaqt li tittratta lill-klijent b’mod ġust;
  • tħares l-ambjent filwaqt li tgħożż t-tarbija fil-ġuf.

Il-kelma ta’ Ġesù tiftaħ triq!


i. “għamillu din il-mistoqsija biex iġarrbu”


Grupp ta’ nies jippruvaw ipoġġuh dahru mal-ħajt – iġarrbuh. F’dan il-kuntest, Ġesù jispikka mhux biss bħala bniedem verament ħieles u iżda wkoll fil-kapaċità tiegħu li jillibera l-bniedem biex jagħżlu b’mod ħieles.

Fil-kappella Sistina hemm dettall interessanti fil-pittura ta’ Michelangelo tal-ħolqien tal-bniedem. Is-seba’ ta’ Alla u s-seba’ tal-bniedem huma qrib iżda ma jmissux. Filwaqt li dak ta’ Alla huwa miftuħ b’mod sħiħ, dak tal-bniedem le. Jekk il-bniedem jiftaħ sebgħu sew, imbagħad jiltaqgħu.

Interessanti r-rispett kbir ta’ Alla għal-libertà li poġġa fil-bniedem.

L-imħabba ta’ Alla ma timponix. Iżda, fl-istess ħin, bid-delikatezza tagħha tattira lill-bniedem. Tqanqal fih ix-xewqa li jħobb b’għażla tiegħu. L-imħabba umli ta’ Alla li lesta tistenna.

Min jista’ ipoġġi l-kmand tal-imħabba jekk mhux dak li jħobb.

Ftakar:

  • Fejn rajt eżempju sabiħ ta’ imħabba umli?

ii. “ĦOBB lil Alla … lill-proxxmu”

Quddiem elf possibilità Ġesù jidentifika l-essenzjal:
il-kriterju li jilliberak biex tagħmel kull għażla oħra,
il-qalba ta’ kollox,
dak li jagħti sens lil kull għażla oħra li tista’ tagħmel,
dak li jagħtik il-kriterju biex tibqa’ liberu fl-għażliet tiegħek flok tinġarr mill-kurrent.
Ġesù ma jgħidx sempliċiment “ħobb”!
Fl-oriġinali il-kelma li juża Ġesù tindika futur: “inti tħobb”. (You will love, Amerai…)

Lill-istess persuna għarfa fil-liġi iżda li qed juża dak l-għerf biex iġarrab lil Ġesù,
Lilll-istess grupp ta’ nies li qed ifittxu li jużaw il-liġijiet differenti biex jeqirduH,
Ġesù jirrivela lilhom, iqajjem fihom, il-kapaċità li jħobbu. Inti kapaċi ssir bniedem li tħobb.
Illum ukoll għandna bżonn li jfakkarna f’din il-kapaċità fina, meta faċli ningħalqu bejn erba’ ħitan: ħobb lilek innifsek biss!

Niċċelebraw il-kelma ta’ Ġesù li kapaċi tfejjaq:

  • Il-feriti tad-daqqiet kbar li jistgħu jaqtgħu qalb persuna milli terġa tħobb: min għadda minn stupru, tradiment, falliment fir-relazzjoni;
  • It-tikketti u l-preġudizzji li jnessu l-essenzjal – li persuna hi maħbuba minn Alla, kapaċi tħobb, tixtieq tkun maħbuba: barrani, gay, …
  • L-għajnejn meta ma jibqgħux jaraw lil hemm mill-imnieħer: ma jarawx li l-għażliet dejjem imissu “proxxmu”; li l-qalb kapaċi tagħti futur lil min hemm quddiemi, lil min hemm ġo fija, lil min ġej warajja; li ma nistax insalva waħdi; li għażliet sbieħ huma dawk li jagħtu l-ħajja.


Innota kif l-idejn ta’ Ġesù fil-pittura tas-sejħa ta’ Mattew (Caravaggio) jieħdu l-forma tal-id tal-bniedem fil-pittura ta’ Michelangelo. L-imħabba umli biss tista’ teżiġi l-imħabba!

iii. “Dawn iż-żewġ kmandamenti huma l-qofol”

Battuta interessanti: “Some day when scientists discover the center of the universe, many people are going to be disappointed to find out it isn’t them.”

Meta Ġesù jidentifika l-imħabba bħala l-qalba ta’ kollox, jillibera l-bniedem mill-bżonn li jkun fiċ-ċentru u jiskopri li għandu univers: hemm Alla, hemm elf proxxmu, hemm dinja dejjem ġdida, …

Jekk tħobb lil Alla b’qalbek kollha, tħobb lil proxxmu u lilek innifsek ukoll:

  • Ma tinbelax mill-ieħor
  • Ma tikkontrollax lill-ieħor

Ikkontempla:

  • Lil Ġesù jgħid Missier b’fiduċja – jagħraf li maħbub u ma jibżax mit-theddid
  • Lil Ġesù jgħid Missierna b’għajnejh fuq ta’ madwaru – u jgħożż lilek u lil ta ħdejk …
  • Lil Ġesù jgħid Missier aħfrilhom – u fl-aktar mument fejn ħaddiehor ipprova jikkontrollah, isalva l-kapaċità li jagħżel, il-kapaċità li jħobb, il-kapaċità li jagħti l-ħajja.

Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Ammen

Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.