Ma stennejthiex minnu!
Mument ta’ talb: Is-Sebgħa u Għoxrin Ħadd Matul is-Sena A
Niċċelebraw l-Evanġelju tal-Ħadd
Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, mument ta’ silenzju
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Kultant lil Alla ma nifhmux:
Inti qlajt dielja mill-Eġittu,
warrabt il-ġnus biex tħawwel lilha.
Meddet sal-baħar il-friegħi tagħha,
sax-xmara ż-żraġen tagħha.
Għaliex, mela, ġarraft il-ħitan tagħha,
u kull min jgħaddi jqaċċat minnha? …
Erġa’ ejja, Alla tal-eżerċti;
ħares mis-sema, u ara,
u żur ’il din id-dielja.
Ħu ħsieb dak li ħawlet lemintek,
ir-rimja li int kabbart għalik.
(Salm 79)
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew (Mt 21, 33-43)
F’dak iż-żmien Ġesù qal lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu: “Isimgħu parabbola oħra: Kien hemm wieħed, sid ta’ għalqa, u ħawwilha bid-dwieli; tellgħalha ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha, u bnielha torri; u qabbilha lil xi bdiewa. U siefer f’art oħra.
Meta wasal żmien il-frott, bagħat il-qaddejja tiegħu għand dawk il-bdiewa biex jiġbrulu l-frott li kien imissu. Iżda l-bdiewa qabdu lill-qaddejja, u lil wieħed sawtuh, lil ieħor qatluh, u lil ieħor ħaġġruh. Reġa’ bagħtilhom qaddejja oħra, aktar minn qabel, u għamlulhom l-istess.
Fl-aħħar bagħtilhom lil ibnu. “Minn ibni jistħu,” qal. Iżda kif raw lil ibnu l-bdiewa bdew jgħidu bejniethom: “Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, biex il-wirt tiegħu niħduh aħna”. Qabduh, xeħtuh ’il barra mill-għalqa u qatluh. Issa sid l-għalqa x’jagħmlilhom lil dawk il-bdiewa meta jiġi?”. Qalulu: “Jeqridhom bla ħniena, ta’ ħżiena li huma, u l-għalqa jqabbilha lil bdiewa oħra li jroddulu l-frott fi żmienu”.
Qalilhom Ġesù: “Qatt ma qrajtu fl-Iskrittura li:
“Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka;
bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan: ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna?”. Għalhekk ngħidilkom li s-Saltna ta’ Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħmel il-frott minnha”.
(Mt 21, 33-43)
Riflessjoni u talba:
Idea żbaljata t’Alla għandha impatt fuq kif ngħixu ħajjitna.
Lil Alla hawn min ipenġih bħala xi ħadd taz-zokkor, kollox jgħaddi, passiv… bla sinsla?
U ħajjitna issir ħajja illuppjata. Comfortably numb! Kollox jgħaddi. Allura ma stennejthiex minnu li Ġesù jiġi b’din l-istorja!
i. “X’jagħmlilhom?”
Ġesù joħloq storja, ma jispiċċahiex għajr għal mistoqsija li tinstiga RABJA: x’jagħmlilhom? Tant ħadmet l-istorja li r-risposta li ħarġu biha tixxukkjana bil-vjolenza: “Jeqridhom bla ħniena, ta’ ħżiena li huma”.
Ġesù joħloq storja biex iqanqal rabja! Kont tistennieha?
Ma jaċċettax li quddiem l-inġustizzja, l-ħażen, l-arroganza … wieħed jibqa’ frisk daqs ħassa. Qisu xejn m’hu xejn! L-istorja tiegħu tgħinna nirrabrabjaw (mhux nifirħu jew niskantaw). L-istorja tiegħu twassalna biex ngħidu “Hekk mhux sew! Le!”
Ġesù, bl-istess storja, ifejjaq rabja żbaljata!
B’liema dritt tirrabja (sa tasal tattakka u toqtol) lil min qed ifakkrek li għandek tirrispetta dak li mhux tiegħek? Dawk il-qaddejja irrabjaw u kienu vjolenti lejn min kien ġeneruż magħhom. Irrabjaw għax ippretendew li jieħdu kollox huma: jieħdu l-wirt ta’ ħaddieħor.Fejn afdajt lil xi ħadd u daħaq bik? Ittradiek? Din l-esperjenza kif tgħinek tifhem lil Alla li afdalna d-dinja f’idejna.
X’tip ta’ rabja hemm f’ħajti?
- Dik żbaljata? Ħierġa minn pretensjoni? Għax irrid dak li mhux tiegħi? Għax xi ħadd qed jgħidli l-verità u ma rridx naċċettaha?
- Dik tajba? Ħierġa mill-għatx għall-ġustizzja; meta nara li qed neqirdu d-dinja li Alla afdalna; quddiem min jabbuża mill-poter fi vjolenza domestika, bullying, korruzzjoni, drittijiet ta’ ħaddiema mhux rispettati?
ii. “Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka”
Ġesù jissorprendik mill-ġdid: ifejjaq l-arroganza bl-umiltà.
Fl-ewwel mument ma stennejtx li Ġesù jinstiga rabja. Imma issa lanqas stennejt li l-post fejn faċli toħroġ l-akbar vjolenza (qtil tal-iben – jeqridhom mingħajr ħniena) isir il-post tal-bidu ta’ Saltna ġdida (qtil ta’ Ġesu – qawmien).
Niċċelebraw:
- Perjodi fl-istorja meta quddiem mumenti traġiċi, ħarġu enerġiji ġodda, bini ta’ kultura aħjar (eż. Wara t-tieni gwerra dinjija)
- Nies li żviluppaw ġid kbir meta ġew affaċċjati minn mard serju; nies li affrontaw l-inġustizzja b’mezzi paċifiċi (Gandhi, Nelson Mandela); nies li ħafru.
iii. “Is-Saltna ta’ Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħmel il-frott minnha”
Minn dak li ma stennejniex minn Alla, ngħaddu għal dak li jistenna minna Hu: frott tas-Saltna t’Alla. Il-frott ta’ Alla jidher fil-fatt li minkejja l-iżbalji tal-passat, Alla qed iħares lejna b’fiduċja u jafdana: bil-ħajja, bi ħbieb, bir-responsabbiltà fix-xogħol, bil-ħolqien. Il-frott tagħna meta nħarsu lejn dak li tana Alla bl-istess fiduċja u ngħinu biex nippromwovu dak t-tajjeb (mhux nabbużaw minnu, nikkapparrawh għalina.)
- Biex qed jafdak il-Mulej bħalissa? Liema persuni? Liema ġid?
- X’inhu t-tajjeb li tista’ ninkuraġġixxi f’persuna? Kif noħroġ is-sabiħ (fl-oħrajn, fil-ħolqien)?
Niċċelebraw il-mumenti meta smajna s-sinjali u għamilna deċiżjoni ta’ bidla.
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.