Twieqi fuq l-Eternità. Niċċelebraw il-qaddisin kollha.
F’din ir-riflessjoni fuq il-beatitudnijiet qed nuża dawn ir-ritratti tal-artist Petr Vaclavek mis-serje tiegħu Dubanci (Acorn elves). |
Preparazzjoni: Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, stampa jew memorja ta’ qaddis Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu Infittxu dak li hu sabiħ, tajjeb, qaddis: Tal-Mulej hi l-art u kulma fiha, id-dinja u kulma jgħix fiha. Għax hu fuq l-ibħra waqqafha, u fuq ix-xmajjar wettaqha. Min jista’ jitla’ fuq l-għolja tal-Mulej, min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu? Min għandu jdejh indaf u qalbu safja, min ma tax ruħu għall-frugħa. (Salm 23) |
1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla F’dak iż-żmien: Ġesù kif ra l-folol, tela’ fuq il-muntanja, u wara li qagħad bilqiegħda, resqu lejh id-dixxipli tiegħu. U hu fetaħ fommu u qabad ikellimhom u jgħid: “Henjin il-fqar fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-saltna tas-Smewwiet …” (Mt 5,1-12a) 2. Riflessjoni/talba: Illum il-festa tal-qaddisin kollha. Kemm għandna bżonn li f’dan iż-żmien li għaddejjin minnu niftakru li aħna maħluqin għal ħajja sabiħa, tajba! Li niftakru li din possibbli! Ġesù jagħtina tmien twieqi fuq l-eternità: il-beatitudnijiet. F’mument ta’ talb, aqra l-beatitudni u ftakar f’xi ħadd li jħares lejn il-ħajja minn din it-tieqa! X’jispira fik? i. “Ħenjin il-fqar fl-ispirtu għax tagħhom hija s-saltna tas-Smewwiet” It-tieqa ta’ dawk li jgħixu l-ħajja bla pretensjoni, li jafu japprezzaw, li jiżirgħu iż-żerriegħa tat-tajjeb fil-moħbi u s-silenzju mingħajr ma jiġbdu l-attenzjoni fuqhom infushom; dawk li għandhom fiduċja sħiħa f’Alla u allura kapaċi jitbissmu quddiem il-mera! Jiġik xi ħadd f’moħħok? ii. Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa. It-tieqa ta’ dawk li jitnikktu: quddiem t-tbatija tal-oħrajn, l-iżvantaġġi li jbati student minħabba l-aġir ta’ ħaddieħor, meta jaraw l-affarijiet isiru ħażin; ta’ dawk li qalbhom timtela u b’demgħa f’għajnejhom jifirħu għal kull pass żgħir ‘l quddiem. Jiġik xi ħadd f’moħħok? |
iii. Henjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom l-art bħala wirt. It-tieqa ta’ dawk li ipproċessaw ir-rabja, evitaw il-qalb iebsa u flok ħitan jibnu pont. Fejn ħaddieħor weħel, irtira jew attakka, huma waslu permezz tal-ħniena, l-ġentilezza u l-mogħdrija. Jiġik xi ħadd f’moħħok? iv. Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħa. It-tieqa ta’ dawk li jissuperaw il-kilba li tisraq il-ġid u l-fama ta’ ħaddieħor u jfittxu li jonoraw u jirrispettaw, jinkuraġġixxu u jsostnu lil kull persuna: qalbhom timtela b’sodisfazzjon u l-kliem tagħhom duwa. Jiġik xi ħadd f’moħħok? v. Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena. It-tieqa ta’ dawk li jirbħu r-riġidità u l-qalb magħluqa, li jaffrontaw il-kumplessità tal-ħajja u l-fraġilità umana b’ġentilezza, mogħdrija u suġġerimenti kostruttivi. Jiġik xi ħadd f’moħħok? vi. Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla It-tieqa ta’ nies sempliċi, onesti, b’interess ġenwin li ma jużaw lil ħadd; m’għandhomx qerq, ifittxu l-verità, t-tajjeb u s-sabiħ. B’għajnejn ħielsa kapaċi jifirħu għax jilmħu lil Alla sikwit. Jiġik xi ħadd f’moħħok? vii. Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla. It-tieqa ta’ dawk li ma jinġarrux mill-kliem ta’ firda jew tixwix; li jfittxu li jifhmu lil dak li jkun, li jevitaw preġudizzji, li jindirizzaw l-inġustizzja u l-faqar; dawn joffru viżjoni aktar għolja u tama għall-umanità. Jiġik xi ħadd f’moħħok? viii. Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba fil-ġustizzja, għax tagħhom hija s-Saltna tas-smewwiet. It-tieqa ta’ dawk li jaħdmu u jiddedikaw ħajjithom għal dak li hu sewwa għax hu sewwa (mhux għax jaqblilhom); għall-ġustizzja u l-ħarsien tal-persuna għax hi persuna (mhux skont jekk il-persuna hix tal-klikka jew l-ideoloġija tagħhom); li ma jaqtgħux qalbhom meta isibu l-istmerrija u l-attakki ta’ min ma jridx li l-verità toħroġ, min ma jridx jitlef il-vantaġġi inġusti li għandu. Ħenjin dawk li jħarsu minn din it-tieqa għax jiskopru li qegħdin iħaddnu l-viżjoni t’Alla! Jiġik xi ħadd f’moħħok? |
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.