Le, mhux xorta!

Le, mhux xorta!

Niċċelebraw l-Evanġelju tar-raba’ Ħadd tar-Randan

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Nidħol fil-presenza ta’ Alla b’dan il-kliem:

Ifirħu lil Ġerusalemm, u thennew biha, intom ilkoll ħbieb tagħha; aqbżu bil-ferħ, intom ilkoll li qsamtu swied il-qalb magħha: hekk intom tifirħu u timtlew bil-faraġ tagħha. (Is 66, 10-11)


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lil Nikodemu: “Kif Mosè rafa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem, biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.

Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu. Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma
jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem tal-Iben il-waħdieni ta’ Alla.

U l-ġudizzju huwa dan: li d-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew id- dlam aktar mid-dawl, għax l-għemil tagħhom kien ħażin. Għax kull min jagħmel il-ħażen jobgħod id-dawl, u ma jersaqx lejn id-dawl, biex għemilu ma jinkixifx. Imma min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl, biex juri li hemm Alla f’għemilu”.

(Ġwanni 3, 14-21)


Riflessjoni u talba:

i. “hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem, biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.”

Le, mhux kollox xorta …
meta tkun quddiem Dak li jibdel il-kawża tal-mewt f’għajn tal-ħajja.
Jekk il-fjuri tpoġġihom ġo vażett bl-ilma biex tgawdihom ftit aktar,
kif ma tniżżilx għeruqek fi Kristu meta qed jagħtik il-ħajja vera?

Nirringrazzjak Mulej li għamilt l-għażla li tintrefa’ fuq l-għuda tal-umiljazzjoni:
biex tfejjaq il-biża’ li żżommni

  • lura milli nipproponi xi ħaġa ta’ ġid (ma mmurx naqa’ għaċ-ċajt)
  • lura milli nħobb (ma jmurx inkun rifjutat),
  • milli nħares b’onestà lejn ir-realtà (għax naħseb li aħjar taħrab il-problemi milli tgħix).

Irrifletti:

  • X’iżommok milli tintrefa’ mis-sitwazzjoni? Xi tfisser temmen fi Kristu?

ii. “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx”

Le, mhux kollox xorta.
Għax li “nintilef” naf xi tfisser:
ma jsibunix, bla skop għall-ħajja, ma jkolli lil ħadd fuq min indur!

Imma mistieden nidħol fl-istorja vera:
Alla hekk ħabb li ta …
Nieqaf ftit quddiem il-meravilja ta’ Alla li jħobbna b’dan il-mod.

Biex tieħu ħjiel ta’ din l-imħabba enormi t’Alla,
ftakar fil-persuni li jagħtu minn kollox biex jieqfu ma’ xi ħadd u jwieżnuh:
ġenituri, ħbieb, professjonisti li jagħtu ħajjithom biex xi ħadd ma jintilifx.

Irrifletti

  • Xi tfisser temmen f’Ġesù?
  • Itlob li jkollok l-esperjenza li San Pawl talab għall-Efesin 3, 16-19: “Il-Missier … jagħtikom li bil-qawwa tiegħu permezz tal-Ispirtu tiegħu, tissaħħu fil-bniedem ta’ ġewwa, u li Kristu jgħammar f’qalbkom permezz tal-fidi, biex tniżżlu l-għeruq tagħkom fl-imħabba u fuqha tibnu ħajjitkom. B’hekk tkunu tistgħu tifhmu, flimkien mal-qaddisin kollha, x’inhu l-wisa’ u t-tul, l-għoli u l-fond tal-imħabba ta’ Kristu; tagħrfu kemm din l-imħabba ta’ Kristu tisboq kull għerf, biex timtlew bil-milja kollha ta’ Alla.”

iii. “Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu. Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat”

Le mhux xorta!
Kemm persuni jgħixu l-ħin kollu bl-idea li huma kundannati,
li ma hemmx tama għalihom,
li l-ħajja destin u huma twieldu taħt sħaba sewda,
li ta xejn tersaq lejn d-dawl għax “jien ħażin”!

Kundannat.
Għal dejjem!
Forsi qatt ma għidtha hekk! Imma forsi hekk nemmen?

Ħalli l-piż jintrefa’,
Ħalli l-ktajjen jitqaċċtu,
Insa l-għajnejn ta’ wara l-persjana,
u ersaq lejn id-dawl:
hemm min jieħu ħsiebek!
“Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat”.

Ikkontempla:

  • Liema hi l-vuċi ta’ kundanna li tissielet magħha? Xi tfisser temmen f’Ġesù?

Lord there is nothing more terrible in life than to feel condemned

  • To live without purpose;To experience failure and rejection whatever happens;
  • To know that you will never be admired by others;
  • And the root of this is not believing that you are loved.

Help us to be the presence of your only Son in the world,
so that people might not go through life feeling condemned.
(Michel DeVerteuil)


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen

Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.