Erġajna weħilna?

Erġajna weħilna?

Niċċelebraw Ħadd il-Għid

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka.
Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna.
(Salm 117) 


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skond San Mark

Meta għadda s-Sibt, Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu, u Salomi xtraw xi fwejjaħ biex imorru jidilkuh bihom. U kmieni ħafna fl-ewwel jum tal-ġimgħa, kif telgħet ix-xemx marru ħdejn il-qabar.

U bdew jgħidu lil xulxin: “Min se jgerbilna l-ġebla mid-daħla tal-qabar?” Iżda meta ħarsu, raw li l-ġebla kienet imressqa fil-ġenb; kienet ġebla kbira ħafna. Daħlu fil-qabar, u raw żagħżugħ bilqiegħda n-naħa tal-lemin, liebes libsa bajda; u nħasdu. Imma hu qalilhom: “Xejn la tinħasdu. Qegħdin tfittxu lil Ġesù ta’ Nazaret li kien imsallab; qam mill-mewt, m’huwiex hawn. Araw il-post fejn kienu qegħduh. Imma morru għidu lid-dixxipli tiegħu, u lil Pietru, li hu sejjer fil-Galilija qabilkom; tarawh hemmhekk, kif kien qalilkom.”.

U huma ħarġu ’l barra u tbiegħdu b’ġirja waħda mill-qabar, għax kellhom rogħda fuqhom u baqgħu mbellhin bil-biża’. U ma qalu xejn lil ħadd, għax beżgħu. 

(Mark 16, 1-7)


Riflessjoni u talba:

i. “Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu, u Salomi”

Tliet nisa!
Storja twila. U donnu tispiċċa ħażin: “U ma qalu xejn lil ħadd għax beżgħu”.
Kienu n-nisa li meta “Ġesù kien fil-Galilija, kienu jmorru miegħu u jaqduh” (Mk 15,41).
Baqgħu miegħu aktar mid-dixxipli l-oħra (imsejħa biex ikunu miegħu u jippriedkaw imma jitqabdu fuq min hu l-akbar u issa ma jidhrux).
Dawn in-nisa kienu hemm “iħarsu mill-bogħod” hekk kif Ġesù “għajjat għajta kbira u radd ruħu” u ċ-ċenturjun, pagan, qal “Dan il-bniedem kien tassew bin Alla” (Mk 15, 39).

Baqgħu hemm ukoll fid-difna “jaraw fejn tqiegħed” hekk kif “Ġużeppi minn Arimatija, membru magħruf tal-Kunsill, li hu wkoll kien jistenna s-Saltna ta’ Alla, għamel il-ħila” u ħa ħsieb id-difna (Mk 15, 47).
U reġgħu ġew!

Anke d-dixxipli nisa li għexu bl-akbar fedeltà il-mixja ma’ Ġesù. Dawn ukoll fraġli.Fuq dawn id-dixxipli – nisa u irġiel, ilkoll imperfetti – li Ġesù jafda l-aħbar li bidlet l-istorja.

U għalina – dixxipli ta’ Ġesù – li nħobbuh u nixtiequ nagħmlu r-rieda tiegħu iżda li ninħakmu mill-biża, infallu, fraġli, din hija Aħbar Tajba.

Irrifletti:

  • L-ewwel aħbar tajba hija għalija. Kif inħares lejn l-imperfezzjoni u l-vulnerabilità tiegħi?
Velasquez, Christ crucified

ii. “Ġesù ta’ Nazaret li kien imsallab; qam mill-mewt, m’huwiex hawn.”

Jista’ jkun li din kienet l-ewwel sentenza li kiteb l-Evanġelista San Mark? U kollox bena madwarha?

Fil-bidu jgħidilna li “ġie Ġesù minn Nazaret tal-Galilija” (Mk1,9) biex jitgħammed.
L-ewwel darba li jiġi indirizzat bħala “Ġesù ta’ Nazaret” huwa fis-sinagoga ta’ Kafarnaum minn spirtu ħażin “Aħna x’għandna x’naqsmu, Ġesù ta’ Nazaret? Ġejt biex teqridna? Jien naf min int: ‘Il-Qaddis ta’ Alla’.” (Mk1, 24)

Tgħid dawn it-tliet nisa kienu fis-sinagoga dakinhar?
Tgħid issa, ħdejn il-qabar, huma u jisimgħu dan il-kliem, x’qed jifhmu?

Dan ir-raġel min-Nazaret ma ġiex biex jeqridna: kien imsallab!
Kienu raw lil Ġesù jeħles lir-raġel u semgħu kif l-ispirtu ħażin “għajjat għajta kbira u ħareġ minnu”.
U semgħu lil Ġesù minn fuq is-salib jgħajjat għajta kbira u jrodd ruħu.
U raw lil wieħed pagan, ċenturjun, xogħolu jara li l-qtil isir b’mod ordnat,
jirċievi r-ruħ ta’ Ġesù; jisimgħuh jistqarr li dan ir-raġel minn Nazaret “tassew bin Alla”.

U fehmu minn fejn sab il-kuraġġ il-membru tal-Kunsill (Ġużeppi) li kien jistenna s-Saltna t’Alla.
U fehmu l-ewwel kliem li semgħu fil-Galilija: “Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna t’Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju” (Mk 1,15).

L-imsallab, li ma ġiex biex jeqridna, qam mill-mewt.

Irrifletti

  • Agħżel: jew l-ispirtu ħażin jew l-Ispirtu ta’ Ġesù ta’ Nazaret li rxoxta.
  • Fejn qed tistenna s-Saltna t’Alla? Liema azzjoni se ssib il-ħila li twettaq?

iii. “hu sejjer fil-Galilija qabilkom; tarawh hemmhekk, kif kien qalilkom”

Fl-istess post tar-reżistenzi u l-ostakli,
fejn kollox qisu jwassal għal falliment, qerda, u mewt
fejn faċli inħossuna waħedna quddiem il-fraġilità tagħna u l-forzi tal-ħażen

Hemm Hu sejjer QABILNA
Se NARAWH hemmhekk

Il-fidi nisranija mhijiex loppju, mezz biex naħarbu mill-ħajja.
F’dinja fejn jiżdiedu l-isfidi, u ħafna qed jaqtgħu qalbhom mill-ħajja,
it-triq ‘l quddiem mhix xi tip ta’ droga biex tnessi, taljena, u tmewwet.

Il-fidi nisranija tistedinna għal ħarsa fil-fond – opsesthe – li tlaqqagħna ma dak li jimxi qabilna mal-bniedem li tela bħalna min-“Nazaret”
mhux biex jeqred iżda biex inissel il-kuraġġ f’kull min qed jistenna s-Saltna t’Alla biex jgħin lil kulħadd jagħmel il-pass li jista’ biex kull “Ġużeppi” ieħor jista’ jaffronta l-istess awtoritajiet li ġabu l-mewt innoċenti, ħalli jħares b’dinjità anke l-ġisem tal-persuna li inqatlet
… aħseb u ara tal-persuna ħajja.

Mat-tliet nisa’ inħalli l-ġnien tal-qawmien, bil-biżgħat tiegħi, u niftakar li msejjaħ biex inkun miegħu u biex immur inxandar l-Aħbar it-tajba. Kif?

Ikkontempla:

  • Hu sejjer qabilna … narawh hemmhekk (fin-normalità). Liema ħarsa fuq il-ħajja jagħtik il-qawmien ta’ Ġesù ta’ Nazaret?

Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen

Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.