Il-folla għadha mħawda.

Il-folla għadha mħawda.

Niċċelebraw Ħadd il-Palm

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Nidħol fil-presenza ta’ Alla b’dan il-kliem:

Mulej, la titbegħidx minni;
qawwa tiegħi, fittex għinni!. (Salm 21)


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skond San Mark

Xħin waslu qrib Ġerusalemm, quddiem Betfaġe u Betanja, ħdejn l-Għolja taż-Żebbuġ, bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Morru fir-raħal li hemm biswitkom, u kif taslu hemmhekk issibu felu marbut li ħadd qatt għadu ma rikeb fuqu. Ħolluh u ġibuh. Jekk xi ħadd jistaqsikom, ‘Dan kif qegħdin tagħmluh?’ għidulu, ‘Il-Mulej jeħtieġu, u malajr jerġa’ jibagħtu hawn.’ ” Marru, u sabu felu marbut ħdejn bieb barra fit-triq; u ħallewh. Xi wħud minn dawk li kienu hemm qalulhom: “X’intom tħolluh tagħmlu dak il-felu?” Huma weġbuhom kif kien qalilhom Ġesù, u dawk ħallewhom jagħmlu. Ħadu l-felu lil Ġesù, qiegħdu l-imnatar tagħhom fuq il-felu, u Ġesù rikeb fuqu. U bosta nies firxu fit-triq l-imnatar tagħhom, u oħrajn xi friegħi ħodor li kienu qatgħu mill-għelieqi. U kemm dawk li kienu miexja quddiem u kemm dawk li kienu miexja wara, bdew jgħajtu:


“Hosanna! Imbierek min ġej f’isem il-Mulej!
Imbierka s-Saltna li ġejja ta’ David missierna.
Hosanna fl-ogħla tas-smewwiet!”


Daħal Ġerusalemm u baqa’ sejjer fit-tempju, ta ħarsa madwaru, u mbagħad, billi kien ġa sar il-ħin, ħareġ biex imur Betanja mat-Tnax.

(Mark 1-11)


Riflessjoni u talba:

i. “Xħin waslu qrib Ġerusalemm”

Daqshekk kumplikata jew hemm xi ħaġa iżjed?
L-Evanġelju ta’ San Mark jibda bil-fatt li kienet tmur għand Ġwanni fid-deżert “in-nies kollha ta’ Ġerusalemm”. Daqshekk gravi s-sitwazzjoni f’Ġerusalemm??? Għandhom bżonn imorru f’deżert biex isibu xi ħaġa ġenwina fuq Alla?

U allura it-tempju x’sar minnu? Sabiħ, m’ilux li tlesta, bid-dixxipli jistagħġbu “”Ara Mgħallem, x’ġebel dan, x’bini?” (Mk 13,1) Ġesù jgħid li għamluh “għar tal-ħallelin” (Mk 11, 17) flok dar it-talb.

Għax l-ipokresija iġġib falsità: “iberbqu ġid ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu” (Mk 12, 40); ma jridux jaraw li qed iberbqu il-ġid tal-armla li “tefgħet dak kollu li kellha biex tgħix (Mk 12, 44). Imma Ġesù jinduna.

Mhux ta’ b’xejn kienu jfittxu li jeqirdu lil Ġesù.
Għax hemm differenza bejn tagħmel l-affarijiet għal wiċċ in-nies, bl-uniku interess butek!
U timxi wara Ġesù li jfittex ir-rieda tal-Missier u l-ġid tan-nies.
Min ser jirbaħ?

Irrifletti:

  • X’imexxik?

ii. “Il-Mulej jeħtieġu, u malajr jerġa’ jibagħtu hawn.”

Sultan ma jirbaħx belt riekeb fuq felu!
Trid turi s-saħħa! Imbagħad f’belt imnawra! Trid tkun ħażin aktar minnhom!

Intant?
Ġesù dieħel fuq felu ta’ ħmar!
Ta’ qalb ħelwa u umli.
Aktar għandna versi jiddeskrivu kif ġie l-felu milli d-daħla ta’ Ġesù!
Aktar naraw d-delikatezza ta’ Ġesù biex jissellef ħmar u jroddu lura mill-aktar fis possibbli.
Aktar naraw l-faqar ta’ Ġesù u l-attenzjoni għall-ħwejjeġ ċkejkna milli xi ġest biex jimpressjona.

Għax l-imħabba hekk:
ħierġa minn qalb ħelwa u umli;
attenta għad-dettalji ż-żgħar u tagħmilhom b’qalb kbira;
tillimita l-forzi tagħha biex tagħmel spazju għal ħaddieħor.

Mhix vjolenti!
Ma jidħolx bil-forza.
Lanqas b’arroganza.
Jista’ jirbaħ?

Irrifletti

  • Kif tħobb?

iii. “Imbierka s-Saltna li ġejja ta’ David missierna”

Il-folla għadha mħawda.
Jgħajtu “Hosanna …  Hosanna” (li litteralment tfisser “Mulej, salva”).
Imma qed jistennew il-passat: is-Saltna ta’ David.

Ġesù għamel tliet snin iħabbar is-“Saltna t’Alla”.
Imma aħna bl-oħra nafu: tas-saħħa, tal-armi, tal-vjolenza, tal-flus;
Saltna li ġġib ‘l quddiem l-interessi tiegħi u tal-familja/kumpanija tiegħi u mhux ta’ ħaddieħor.

U allura ngħajtu “Sallbu … Sallbu”.
Lil Barabba eħles: dak ma jibżax juża s-saħħa – “kien arrestat max-xewwiexa li fir-rewwixta kienu qatlu lil xi ħadd” (Mk 15,6). Ġesù iddiżappuntana!

Imma Ġesù “daħal Ġerusalemm u baqa’ sejjer fit-tempju, ta ħarsa madwaru, u mbagħad billi kien sar il-ħin, ħareġ biex imur Betanja mat-tnax”.

Jidħol, josserva, … u joħroġ.
Ma jinġarrx.
U ma jirbaħx.
Ma jfittixx li jirbaħ.
Għalhekk isalva! Għalhekk mhux falz!
Għalhekk … hekk … jibni l-belt/is-soċjetà/is-Saltna t’Alla!
Għax ma jfittixx li jirbaħ imma li jsalva!

Ikkontempla:

  • Ieqaf ftit u itlob li tidħol fl-ispirtu ta’ Kristu, fl-istil tiegħu.
  • Fejn jitlob minnek bidla ta’ perspettiva?

Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen

Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.