Hemm aktar x’tiskopri!
Niċċelebraw is-Solennità tat-Trinità Qaddisa
Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Nidħol fil-presenza ta’ Alla b’sens ta’ apprezzament:
Bil-kelma tal-Mulej saru s-smewwiet,
u b’nifs fommu t-tiżjin kollu tagħhom.
Għax hu tkellem, u kollox sar;
hu ordna, u kollox seħħ.
(Salm 32)
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien, il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù. Kif rawh, inxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien”.
(Mt: 28, 16-20)
Riflessjoni u talba:
i. Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela …”
Jien bħad-dixxipli,
kultant “ninxteħet quddiemu” kultant “niddubita”.
U Ġesù?
Jaqsam magħna dak li jgħix (mal-Missier u l-Ispirtu):
jersaq
ikellem
jagħti r-rigal li jirċievi:
“lili ingħatat kull setgħa”
“Morru mela”
Mhemmx fih sens ta’ għira, possessività, biża’ li jafda
jgħix b’umiltà u kuraġġ
iqawwi d-dixxipli biex jagħmlu l-istess:
jersqu, jkellmu, jilliberaw lil ħaddieħor.
Irrifletti:
- Xi jfisser għalik li tgħix l-awtorità bħala rigal t’Alla?
ii. “għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.”
F’ħajjitna iltqajna ma’ nies li rċevew din il-Magħmudija u għixuha b’mod sabiħ:
Fl-isem tal-Missier
Tant għalliema, mexxejja fil-komunità, membri tal-familja, diretturi spiritwali …
li użaw l-awtorità tagħhom biex lilna jagħtuna qawwa spiritwali,
għinuna nassumu r-responsabbiltà tagħna,
nieħdu inizjattiva fil-ħajja tagħna u tal-komunità:
tawna l-libertà.
U tal-Iben
Tant nies li bagħat il-Mulej f’ħajjitna bħala kumpanji fil-vjaġġ
li meta waqajna ma kellmuniex minn fuq pedestall iżda bħala pellegrini
li għaddew huma wkoll minn falliment
u għinuna noħorġu mis-sitwazzjoni b’fiduċja
biex naqsmu l-għerf li ksibna ma’ min qed jaqa’ lura fil-vjaġġ.
U tal-Ispirtu s-Santu
Kultant Mulej int tiġi fil-profond tal-persuna tagħna bħal nifs
b’mod diskreta;
ma nindunawx mill-ewwel bil-presenza tiegħek;
għajn ta’ ħajja u enerġija
dejjem magħna
sabiex anke meta nħossuna mitlufa u skuraġġuti, nistgħu ngħidu
“Iva, int magħna dejjem…sal-aħħar taż-żmien”.
Irrifletti
- Fejn tara s-sinjali tal-presenza t’Alla Missier … Iben … Spirtu s-Santu?
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.