Terapija tal-qalb.
Niċċelebraw it-22 Ħadd matul is-sena
Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Mulej, min jgħammar fid-dar tiegħek? (Salm 14)
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, il-Fariżej u xi wħud mill-kittieba li ġew minn Ġerusalemm inġabru ħdejn Ġesù, u raw li xi wħud mid-dixxipli tiegħu kienu qegħdin jieklu b’idejhom mhumiex indaf, jiġifieri mhumiex maħsulin. Għax il-Fariżej, u l-Lhud kollha, biex iħarsu t-tradizzjoni ta’ missirijiethom, ma jmissux ikel qabel ma jkunu ħaslu jdejhom sewwa; hekk ukoll wara li jerġgħu lura mis-suq, ma jiklux jekk ma jinħaslux; u għandhom bosta drawwiet oħra li baqgħu marbutin magħhom minn żmien għal ieħor, bħalma huma l-ħasil tat-tazzi u tal-buqari u tal-ktieli tal-bronż. Mela, il-Fariżej u l-kittieba staqsewh: “Dan l-għala d-dixxipli tiegħek ma jġibux ruħhom skont it-tradizzjoni ta’ missirijiethom, imma jieklu b’idejhom mhumiex indaf?”.
Iżda hu weġibhom: “Sewwa ħabbar Iżaija fuqkom, ja nies ta’ wiċċ b’ieħor, bħalma hu miktub: ‘Dan il-poplu bix-xufftejn biss jagħtini ġieħ, imma qalbhom hija ’l bogħod minni. Fiergħa hi l-qima li jagħtuni; jgħallmu duttrina li mhijiex għajr preċetti tal-bnedmin’. Hekk intom, twarrbu l-kmandamenti ta’ Alla biex tħaddnu t-tradizzjoni tal-bnedmin”.
Raġa’ sejjaħ in-nies lejh u qalilhom: “Isimgħuni, intom ilkoll, u ifhmuni! Ma hemm xejn minn barra li meta jidħol fi bniedem itebbgħu; imma dak li joħroġ minn ġol-bniedem, dak hu li jtabba’ lill-bniedem. Għax hu minn ġewwa, mill-qalb tal-bniedem, li joħorġu l-ħsibijiet il-ħżiena, żína, serq, qtil, adulterju, regħba, ħażen, qerq, libertinaġġ, għira, malafama, suppervja u bluha. Dal-ħażen kollu minn ġewwa joħroġ u jtabba’ lill-bniedem”.
(Mk 7:1-8,14-15,21-23)
Riflessjoni u talba:
i. “għandhom bosta drawwiet oħra li baqgħu marbutin magħhom minn żmien għal ieħor”
Hemm drawwiet li jgħinuk tagħmel it-tajjeb b’ċertu faċilità u tilħaq l-għanijiet tiegħek.
Hemm drawwiet li jew jorbtuk jew jaljenawk:
drawwiet li kienu adatti għaż-żmien li għadda iżda mhux għaż-żmien li hu;
drawwiet oħra li bdew mill-ħmerijiet, rabbew l-għeruq u issa nużawhom biex nopponu l-verità!
liġijiet u policies li jiġu msawra mhux biex jiddefendu l-parti dgħajfa fis-soċjetà iżda biex jaġevolaw lil min hu b’saħħtu.
drawwiet li nibqgħu marbutin magħhom u jorbtuna!
Irrifletti:
- X’inhuma r-rabtiet żbaljati f’ħajtek?
ii. “imma qalbhom hija ’l bogħod minni.”
Qalbhom ‘l bogħod minni:
l-impressjoni li jagħtu tajba, ġewwa falz.
Ġesù ma jgħidx “jiena drawwa”
iżda “jiena t-triq, il-verità, il-ħajja”
Qalb qrib tiegħu
- taqbad triq: tiskopri xewqa, ma tieqafx tfittex dak li ġenwin;
- ma tibżax mill-verità: u tiskopri li l-verità fil-fatt teħles;
- tħoss iżjed, tħares ‘l barra mill-mera, tinkludi l-ġid tal-oħrajn: splużjoni ta’ ħajja.
Irrifletti
- Fejn hija qalbek?
iii. “Isimgħuni, intom ilkoll, u ifhmuni!”
Terapija għall-wiċċ b’ieħor
għall-ħakma ta’ “kif nidher” b’detriment għal dak li “jien”
għall-propaganda li toħloq faċċata biex taħbi l-qerq
bexxaq il-bieb jew t-tieqa fuq il-post fejn hemm il-moffa
neħħi l-biża li taqa’ għaċ-ċajt
warrab il-bżonn li tħalli impressjoni tajba biex forsi ma jarmukx
U ħalli lil Dak li jitkellem biss mill-qalb
ikellem lil qalbek li spiċċat f’qabar,
ħallih jonfoħ l-Ispirtu fejn hemm moffa, miegħu affaċċja l-ħażen,
U ħallih iqajjem lil qalbek li kapaċi tħobb.
Irrifletti
- Min hu li qed jgħidlek “ismagħni u ifhimni”?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.