Kuraġġ!

Kuraġġ!

Niċċelebraw ir-4 Ħadd tal-Avvent – Sena C

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Mulej, itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi. (Salm 79)


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej”.

(Lq 1, 39-45)

pexels/clem onojeghuo: the courage to walk

Riflessjoni u talba:

i. Marija qamet u marret tħaffef … sellmet

Mara kuraġġuża!
Setgħet għażlet li tingħalaq, toqgħod attenta, toqgħod lura (ma tmurx titħaġġar);
imma għażlet li tqum, tħaffef, issellem (Shalom);
għażlet li ma tieqafx fuqha nnifisha iżda tinkoraġġixxi t-tajjeb li qed jiġri f’ħaddieħor:
issellem, tikkomunika sliem, tapprezza dak li hu uniku f’Eliżabetta;
mhux tikkompeti jew tgħir iżda taqsam.


Irrifletti

  • X’tixtieq taqsam ma’ ħaddieħor?
pexes/edu carvalho: the courage to move on


ii. Eliżabetta … nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek!

Eliżabetta kien ilha tgħix fil-mistħija:
Snin tipprova bla kellhom tfal –
kienu waqfu jsaqsuha … issa biss il-ħars u t-tikketta –
kienu waqfu jippruvaw … issa rassenjati –
żgur m’hemmx ċans!
 
U issa li ġie ċ-ċans, issa li tqila,
donnu xorta baqgħet tgħix fil-mistħija, toqgħod lura, magħluqa.
 
Imma iż-żjara, it-tislima, iċ-ċaqliqa fil-ġuf, l-Ispirtu –
il-presenza moħbija ta’ Kristu fil-ġuf l-ieħor
tillibera qawwa interna f’Eliżabetta:
issa tista’ tgħajjat, tifraħ, tbierek.
Dak li ser jibqa’ jidwi matul is-sekli,
mhux it-tpaċpiċ tan-nies,
iżda l-kliem ta’ barka ta’ min irċieva s-sliem:
“Imbierka inti fost in-nisa …”

Irrifletti

  • Kif tista’ tikkomunika barka bil-kliem tiegħek?
pexels/mododeolhar: the courage to trust


iii. “Hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej.”

Faċli nillimitaw l-hena għal dak li qed naraw:
jekk il-kundizzjonijiet tajbin nista’ nkun kuntent.
jekk għandi l-affarijiet f’idejja moħħi mistrieħ.
 
U l-importanti li F’IDEJJA: għax illum ma tista’ tafda lil ħadd!
 
Imma ħienja dik li ma ratx u emmnet:
dik li taf tintelaq b’fiduċja f’Alla,
dik li ma tara xejn iseħħ u taġixxi daqslikieku ġa seħħ,
tqum, tħaffef, issellem,
u tirċievi lura l-għajta, il-ferħ, il-barka
ta’ min daq il-frott tal-ġuf tagħha qabel twieled.
Ħienja dik li emmnet li jseħħ qabel ma ratu jseħħ.

Irrifletti

  • Itlob id-don tal-fidi f’Alla.


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.