M’hemmx x’tagħmel!??

M’hemmx x’tagħmel!??

Niċċelebraw it-2 Ħadd tal-Avvent – Sena C

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Kbir f’għemilu l-Mulej magħna. (Salm 125)


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

Fis-sena ħmistax tal-ħakma ta’ Tiberju Ċesari, meta Ponzju Pilatu kien gvernatur tal-Lhudija, Erodi tetrarka tal-Galilija, ħuh Filippu tetrarka tal-artijiet tal-Iturija u t-Trakonija, u Lisanja tetrarka ta’ Abileni, fiż-żmien meta l-uffiċċju ta’ qassis il-kbir kien f’idejn Anna u Kajfa, il-kelma tal-Mulej ġiet fuq Ġwanni bin Żakkarija, fid-deżert. U ġie fl-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan, ixandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet, kif hemm imniżżel fil-ktieb tal-profeziji ta’ Iżaija:
“Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert:
Ħejju t-triq tal-Mulej,
iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.
Kull wied jimtela,
kull muntanja u għolja titbaxxa,
il-mogħdijiet mgħawwġa jiddrittaw,
u t-triqat imħarbta jitwittew.
U l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla!”.

(Lq 3, 1-6)

pexels/tomas anunziata: what’s the mood?

Riflessjoni u talba:

i. Fis-sena ħmistax tal-ħakma ta’ Tiberju Ċesari, meta Ponzju Pilatu kien gvernatur … il-kelma tal-Mulej ġiet fuq Ġwanni bin Żakkarija

Il-kbar imexxu l-istorja:
huma jgħaddu l-liġijiet u jiddeċiedu min isegwihom
(u min jista’ ma jsegwihomx);
huma n-nies importanti,
mingħandhom il-favuri!
M’hemmx x’tagħmel!

Jew hemm?
Minn daqstant ħakkiema,
ir-rakkont tal-istorja li biddlet (u għadha tbiddel) id-dinja
tibda minn Ġwanni.


Irrifletti

  • X’tispira fik din l-għażla t’Alla?
pexels/gursharndeep singh: make space for the light


ii.
il-kelma tal-Mulej ġiet fuq Ġwanni bin Żakkarija, fid-DEŻERT

Mhux fl-apparat tal-palazzi u l-uffiċċji fejn nieħdu l-kontroll f’idejna

  • fejn mhemmx post għall-verità (ara Pilatu)
  • fejn nista’ nistgħu niddeċiedu lil min noqtlu (ara Erodi)

Mhux fit-tempji ta’ ritwali solenni li jgħidu lil Alla sa fejn jista’ u ma jistax jasal

  • fejn tintilef il-fiduċja f’Alla (Żakkarija kellu bżonn is-skiet biex jirkupra)
  • fejn nużaw lil Alla għall-vantaġġi tagħna (ara l-manipulazzjoni ta’ Anna u Qajfa)

imma fid-deżert (midbar):
fejn tħalli l-kelma (dabar) tal-Mulej tkun kollox f’ħajjitna:
minn hemm tinbidel l-istorja.

Irrifletti

  • Xi tfisser għalik li ma tibqax aljenat?
pexes/greg gulik: in silence and recollection


iii.
“Kull wied jimtela, kull muntanja u għolja titbaxxa”.

F’sitwazzjoni soċjali u politika ta’ skuraġġiment,
l-istorja l-ġdida tibda bi Ġwanni
li ma jibdiex minn barra imma minnu nnifsu:
li qalbu tkun f’postha,
li l-viżjoni tkun ċara,
li jirbaħ l-ostakli li jtellfuh milli jara ċar:

l-iskuraġġiment totali li jitfgħu f’qiegħ ta’ wied
il-kburija u s-suppervja li hemm bżonn jitbaxxew:

minn hemm seta’ jagħraf sew lilu nnifsu u r-realtà,
u jistieden lil ħaddieħor jagħmel l-istess.

Irrifletti

  • Ieqaf ftit, ibda minnek innifsek billi titlob b’dan it-test:

Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha,
u tafdax fl-għaqal tiegħek.
Fih aħseb f’kulma tagħmel,
u hu jwittilek triqatek
(Prov 3, 5-6)


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.