Kienet hemm!
Niċċelebraw l-Evanġelju tat-2 Ħadd tas-Sena Ċ
Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Xandru fost il-popli kollha l-għeġubijiet tal-Mulej.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, sar tieġ f’Kana tal-Galilija, u omm Ġesù kienet hemm. Ġesù kien mistieden għat-tieġ hu wkoll flimkien mad-dixxipli tiegħu.
Billi ma kienx fadal iżjed inbid, omm Ġesù qaltlu: “Ma għandhomx inbid”. U Ġesù qalilha: “X’hemm bejni u bejnek, mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx”. Omm Ġesù qalet lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”.
Issa kien hemm sitt ġarar tal-ħaġar, imqiegħda hemm għar-rit tal-purifikazzjoni tal-Lhud, kull waħda minnhom tasa’ xi mitt jew mija u għoxrin litru. Ġesù qal lill-qaddejja: “Imlew il-ġarar bl-ilma”. U dawk imlewhom sax-xifer. Imbagħad qalilhom: “Issa ħudu minnu u newluh lil dak li qiegħed jieħu ħsieb il-mejda”. U huma marru jagħtuhulu. Hu daq l-ilma mibdul fi nbid; u billi ma kienx jaf mnejn ġie, għalkemm il-qaddejja li ħadu mill-ilma kienu jafu, sejjaħ lill-għarus u qallu: “Kulħadd l-inbid it-tajjeb iservi l-ewwel; meta mbagħad ikun ħadhom iġibu dak li jkun inqas tajjeb. Imma int l-inbid it-tajjeb erfajtu sa issa”.
Dan li għamel Ġesù f’Kana tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu. Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih.
(Ġw 2, 1-11)
Riflessjoni u talba:
i. Omm Ġesù kienet hemm
Kienet hemm!
Anke jekk wara dan it-tieġ donnha tisparixxi.
Imma nerġgħu insibuha hemm …
wieqfa taħt is-salib.
Tistenna bla ma tbassar kif
l-ilma jinbidel f’inbid
il-mewt tinbidel f’qawmien
il-bniedem f’tieġ ma’ Alla.
Hemm!
Irrifletti
- Xi jfisser tkun hemm … tistenna s-sorpriża t’Alla fil-mument skomdu?
ii. Omm Ġesù qaltlu: “Ma għandhomx inbid”.
Kienet hemm…
U għax hemm, għax preżenti, għax attenta,
tgħid sentenza
waħda, qasira, eżiġenti:
Għax tinduna x’jonqsu l-bniedem – “M’għandhomx inbid”
Għax fahmet x’għandu x’joffri Alla-magħna – l-inbid!
Kienet hemm għall-bniedem!
Hemm ma’ Alla li sar bniedem.
Huwa hemm li l-affarijiet jibdew jiċċaqalqu.
Irrifletti
- Kieku kellek tgħid sentenza inti, xi tkun?
iii. Omm Ġesù qalet lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”
“Agħmlu kulma jgħidilkom hu.”
Wara dan il-kliem ma tgħidx kelma oħra tul il-Vanġelu kollu:
m’hemmx bżonn!
Biżżejjed li turi kif tgħixha, kif tkun hemm …
Tosserva (u tgħix) is-sbuħija li tkun qaddejja tal-Mulej:
tara kif l-ilma jitjieb fl-aħjar inbid
tosserva kif il-qaddej isiru jafu aktar minn sid il-mejda
tkun mad-dixxipli mbeżża’ li jsiru appostli mħeġġa
tiċċelebra kif il-bniedem li jġorr il-konsegwenzi tat-tbatija fuqu
isir pilastru u tama għas-soċjetà.
Irrifletti
- Xi tfisser għalik li tkun disponibbli b’mod sħiħ għal Alla?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.