Nar li jsaffi d-deheb.

Nar li jsaffi d-deheb.

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-Epifanija

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Il-ġnus kollha tal-art jagħtuk qima, Mulej.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

Meta twieled Ġesù f’Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-Lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh”. Is-sultan Erodi sama’ bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled il-Messija. U huma qalulu: “F’Betlehem tal-Lhudija, għax hekk inkiteb mill-profeta: “U int, Betlehem, art ta’ Ġuda, le, m’intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda, għax minnek joħroġ mexxej li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael”.


Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom Betlehem u qalilhom: “Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu”.


Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra. Imbagħad, billi kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra.

(Mt 2, 1-12)

pexels/george becker: driven by fear, leading becomes destroying

Riflessjoni u talba:

i. Fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-Lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud?

Tidher mistoqsija innoċenti,
iżda ġġib reazzjoni enormi, splużjoni ta’ attività, paniku:
fis-sultan Erodi joħorġu għall-beraħ il-kwalitajiet vera tiegħu
hekk kif jisma bis-sultan li twieled:
isejjaħ BIL-MOĦBI – intriċċi? Ħadma? Qerq?
TKIXXEF bir-reqqa – ifittex kontroll? informazzjoni fuq kulħadd għal skop ta’ poter?
Bagħathom – iżda kif? B’mod manipulattiv? Biex jużahom għall-iskopijiet tiegħu?
X’tip ta’ sultan hu Erodi … kull Erodi!


Irrifletti

  • Fejn għandi minn Erodi?
pexes/cottonbro: light uncovers systems of control


ii. Tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu … ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled il-Messija.

It-tfittxija sinċiera tal-Maġi tikxef ir-reżistenza tal-poplu għall-Messija!
L-ironija tal-ħajja!
Dawk li dedikati għall-istennija tal-Messija huma dawk li jitħawdu u jirreżistuh.
Rawh theddida?
Forsi, bħall-Maġi stess, jenħtieġ jinfetħu għas-sorpriżi t’Alla.
Huma stess jissorprenduna hekk kif niżlu jadurawh fi tfittxija sinċiera.

Irrifletti

  • Kemm issibha faċli tħalli post għas-sorpriżi f’ħajtek?
pexels/tomas malik: God’s fire shapes communion


iii. Le, m’intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda, għax minnek joħroġ mexxej li jirgħa …

Jekk nieqaf ftit fuq dan il-kliem,
ninduna li l-istilla mhux ser toħodna lejn xi post partikulari
imma ser toħodna lejn kull post!
Alla ma jiġix jikkompeti biex jieħu post xi ħadd.
Mill-iżgħar, mill-aktar post sfiduċjat u mormi,
toħroġ it-tmexxija t’Alla:
mhux it-tmexxija falza tal-qerq, manipulazzjoni u interess personali
iżda t-tmexxija ta’ Alla li JIRGĦA, li jieħu ħsieb poplu,
li jaħdem fis-silenzju biex jgħin il-qalb ma titqarraqx
li jaħdem fiċ-ċokon sabiex niżviluppaw l-apprezzament mhux il-kontroll
li jibgħat u jqabbad triqat ġodda mhux għall-interess tiegħu iżda għall-ġid veru.
 
“If the deepest ground of our being is love, then in that very love itself and nowhere else will I find myself, and the world, and my borther/sister, and Christ. It is not a question of either/or but all-in-one.” (Thomas Merton)

Irrifletti

  • Kif mistieden tagħraf lil Alla b’mod ġdid?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.