Miexi? Il fejn?
Niċċelebraw l-Evanġelju ta’ Ħadd il-Palm
Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù qabad it-triq u beda tiela’ lejn Ġerusalemm, miexi quddiem l-oħrajn. U meta wasal qrib Betfaġe u Betanja, ħdejn l-għolja li jgħidulha taż-Żebbuġ, bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Morru fir-raħal ta’ biswitna; kif taslu, issibu felu marbut li ħadd qatt għadu ma rikeb fuqu. Ħolluh u ġibuh. Jekk xi ħadd jistaqsikom: “Għalfejn qegħdin tħolluh?”, għidulu hekk: “Il-Mulej għandu bżonnu”.
Dawk li kienu mibgħuta marru u sabu kollox kif kien qalilhom. Huma u jħollu l-felu, is-sidien tiegħu qalulhom: “Għalfejn qegħdin tħolluh il-felu?”. U huma wieġbu: “Għax il-Mulej jeħtieġu”.
Imbagħad ġiebu l-felu lil Ġesù, qiegħdu l-imnatar tagħhom fuq il-felu, u rikkbu lil Ġesù fuqu. Huwa u għaddej, firxu l-imnatar tagħhom fit-triq. Xħin imbagħad kien qorob lejn in-niżla tal-Għolja taż-Żebbuġ, il-kotra kollha tad-dixxipli bdiet tfaħħar lil Alla b’għajjat ta’ ferħ u b’leħen għoli għall-għeġubijiet kollha li kienu raw, u bdew jgħidu:
“Imbierek is-Sultan
li ġej f’isem il-Mulej!
Sliem fis-sema,
u glorja fl-ogħla tas-smewwiet!”
Xi wħud mill-fariżej li kienu qalb il-folla qalulu: “Mgħallem, ċanfarhom lid-dixxipli tiegħek!”. Iżda hu weġibhom u qal: “Ngħidilkom li, jekk jisktu huma, jgħajjat il-ġebel”.
(Lq 19, 28-40)
Riflessjoni u talba:
i. Ġesù qabad it-triq u beda tiela’ lejn Ġerusalemm, miexi quddiem l-oħrajn
Miexi quddiem
ma jaħrabx ir-realtà,
jieħu r-riskju,
jagħmel l-ewwel pass
miexi …
lejn il-belt tal-paċi li toqtol il-profeti
lejn it-tempju fejn spiċċaw jaduraw il-flus
miexi …
lejn mewt ċerta
bħala l-mexxej li jibdel ir-rotta tal-istorja.
Irrifletti
- Fejn jenħtieġ li tagħmel l-ewwel pass?
ii. meta wasal qrib Betfaġe u Betanja, ħdejn l-għolja li jgħidulha taż-Żebbuġ ...
Attent għad-dettall!
Jaf bir-riskju li nużaw l-isem tiegħu, il-qawwa tiegħu,
biex nimtlew bina nfusna, biex inkissru lil oħrajn.
Jipprepara sal-inqas dettall.
Fil-post minn fejn wara l-qawmien ser iberikhom
minn fejn lejn is-sema,
jagħmel għażliet li jdaħħlu d-dixxiplu fl-istil tiegħu:
jibgħat lilhom iġibu l-felu
inissel memorja qawwija fihom
fuq ħmar jarawh dieħel
lill-Mulej, is-Sultan tal-glorja.
Id-dixxiplu li jġorr din il-memorja
qatt m’hu ser juża’ isem Alla għal xi tip ta’ vjolenza jew prepotenza fuq l-oħrajn.
Irrifletti
- X’jolqtok mill-istil ta’ Alla?
iii. Xħin imbagħad kien qorob lejn in-niżla tal-Għolja taż-Żebbuġ …
Impressjonanti!
Xħin jarawh NIEŻEL il-poplu jinfexx f’tifħir mimli ferħ
Huwa u nieżel li nisimgħu l-eku ta’ leħen l-anġli “Glorja ‘l Alla u paċi fl-art”
Għax Alla niżel u sar bniedem
Għax Alla niżel fuq is-salib u f’qiegħ l-art
Id-dixxipli setgħu jerġgħu lura b’FERĦ lejn Ġerusalemm (ara Lq 24,52)
Jimxu b’ferħ u kuraġġ lejn id-dinja kollha
L-aktar vjaġġ traġiku
Ġesù jibdlu f’passaġġ ta’ ferħ, tama, kuraġġ
għax Alla għażel li jinżel u jħobb.
Irrifletti
Din il-perspettiva kif tgħinek tgħix il-Ġimgħa Mqaddsa?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.