Sempliċi thewdin?

Sempliċi thewdin?

Niċċelebraw l-Evanġelju ta’ Ħadd il-Għid

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;
ħa nifirħu u nithennew fih. Hallelujah


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Kmieni mas-sebħ tal-ewwel jum tal-ġimgħa n-nisa marru ħdejn il-qabar u ħadu magħhom il-fwejjaħ li kienu ħejjew. Huma sabu l-ġebla mgerrba minn quddiem il-qabar, imma meta daħlu fih, il-katavru tal-Mulej Ġesù ma sabuhx hemm.
U kif kienu mħassbin fuq dan, f’daqqa waħda dehrulhom quddiemhom żewġt irġiel libsin ilbies jiddi. In-nisa, mimlijin bil-biża’, baxxew għajnejhom lejn l-art; imma dawk qalulhom: “L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj? Mhuwiex hawn, imma qam. Ftakru x’kien qalilkom meta kien għadu fil-Galilija, meta qal: “Jeħtieġ li Bin il-bniedem jingħata f’idejn il-midinbin, ikun mislub, u fit-tielet jum iqum mill-imwiet”.


U huma ftakru kliemu. Telqu lura minn ħdejn il-qabar u marru jagħtu l-aħbar ta’ dan kollu lill-Ħdax u lill-oħrajn kollha. Kienu Marija ta’ Magdala u Ġwanna u Marija ta’ Ġakbu u n-nisa l-oħra li kellhom magħhom; huma kienu li qalu b’dan lill-appostli.


Imma d-diskors tagħhom l-appostli stħajluh thewdin, u ma emmnuhomx. Madankollu Pietru qam u mar b’ġirja lejn il-qabar; tbaxxa biex iħares, imma ma rax ħlief faxex, u raġa’ lura d-dar mgħaġġeb b’li kien ġara.

(Lq 24, 1-12)

pexels/anna nekrashevich: when life is stronger than perfume

Riflessjoni u talba:

i. In-nisa marru ħdejn il-qabar u ħadu magħhom il-fwejjaħ li kienu ħejjew

“Id-diskors tagħhom [tan-nisa] l-appostli stħajluh thewdin,
u ma emmnuhomx”.

Dawk l-irġiel li ħarbu,
l-appostli,
dawk li issa mitlufa u magħluqa fl-ideat tagħhom,
ma jemmnuhomx lil dawk in-nisa li baqgħu hemm,
li marru
li ħejjew il-fwejjaħ u ħaduhom magħhom
b’imħabba konkreta għall-Mulej Ġesù.

Aktar faċli nieħdu bis-serjetà t-thewdin tagħna (aħna li bżajna u ħrabna)
milli l-verità li ħabbru n-nisa kuraġġużi!

Irrifletti

  • Kif tirċeviha l-aħbar tal-qawmien ta’ Ġesù?
pexes/arturas kokorevas: how far can one dream?


ii. In-nisa, mimlijin bil-biża’, baxxew għajnejhom lejn l-art

Stħajluh thewdin il-kliem tan-nisa,
l-appostli,
il-biża’ tagħhom quddiem il-brutalità li raw tawh aktar piż.
 
Imma n-nisa kienu marru fuq il-post
bil-fwejjaħ ifittxu l-katavru mimli ġrieħi ta’ vjolenza selvaġġa
imma n-nisa kienu baxxew għajnejhom
xħin esperjenzaw biża’ differenti,
xħin bdew jilmħu futur imprevedibbli
li Alla tal-ħniena biss kapaċi jfassal:
 
“L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj?
Mhuwiex hawn, imma qam.”

Irrifletti

  • Liema biża’? Dik li twaħħlek jew dik li tiftaħlek triq?
pexels/ekaterina mitkina: How much hope can we handle?


iii. Huma ftakru kliemu. Telqu lura minn ħdejn il-qabar u marru jagħtu l-aħbar ta’ dan kollu lill-Ħdax u lill-oħrajn kollha

Ħasbuh thewdin il-kliem tan-nisa
ir-raġunamenti tagħhom, konfużi mit-trawma, dehru aktar ċari.
 
Imma n-nisa kienu rċevew ċ-ċavetta
li tneħħi ċ-ċpar u tirfed il-fidi:


Ftakru kliemU …
li teżisti l-brutalità,
li ser jinqatel mill-ħżiena,
li min jagħmel il-gwerra mhux l-istess bħall-vittmi tagħha
li min jeqred mhux l-istess bħal min jiġi meqrud
li min jisfrutta mhux l-istess bħal min jiġi sfruttat

u li tal-aħħar jiġi l-ewwel
li wara tlett ijiem iqum
u jniżżel is-setgħana minn fuq it-tron u jgħolli ċ-ċkejknin
u jistieden lil Pietru joħroġ mill-għeluq, jiġri u jiskopri hu wkoll
li dak tan-nisa mhux thewdin …

Irrifletti

F’dinja vjolenti, xi tfisser niskopru li l-kliem tan-nisa mhux thewdin?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.