Glorja!
Niċċelebraw l-Evanġelju tal-5 Ħadd tal-Għid
Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Imbierek ismek għal dejjem, Mulej.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
Kif ħareġ Ġuda miċ-ċenaklu, Ġesù qal: “Bin il-bniedem huwa gglorifikat issa, u permezz tiegħu huwa gglorifikat Alla. Jekk Alla huwa gglorifikat permezz ta’ Bin il-bniedem, Alla wkoll permezz tiegħu nnifsu għad jigglorifika lilu, u dalwaqt jigglorifikah. Uliedi, ftit ieħor se ndum magħkom. Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin. Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom”.
(Ġw 13:31-33a,34-35)
Riflessjoni u talba:
i. Kif ħareġ Ġuda miċ-ċenaklu, Ġesù qal: “Bin il-bniedem huwa gglorifikat issa, u permezz tiegħu huwa gglorifikat Alla.
Xħin ħareġ Ġuda “kien id-dlam”.
Xħin id-dlam donnu qed jiżdied
sal-punt li jaħkem wieħed mit-tnax
Ġesù jaqra l-istorja minn angolu sorprendenti
…
ISSA
id-dawl jilma’
il-piż, l-valur joħroġ fid-dieher
il-veru f’kuntrast mal-falz
il-glorja, is-sbuħija, il-verità ta’ Alla
li tiddi f’kull ġest, f’kull kelma, fil-presenza
ta’ Kristu Ġesù
Msallab
Irxuxtat
Irrifletti
- X’tip ta’ glorja timpressjonak?
ii. Uliedi, ftit ieħor se ndum magħkom. Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin.
L-imgħallem li ġie bħala qaddej
dak li ma jsejħilniex qaddejja iżda ħbieb
issa li jaf li ttradut
u ser jgħadduh f’idejn il-ħżiena biex joqtluh
Hu, bħall-Missier, jgħaddi l-wirt l-aktar għażiż
Il-wirt li jagħtik glorja
li jagħti piż lil kull kelma u ġest
li jeħilsek mill-falsità u s-superfiċjalità
li jagħti valur il-persuna tiegħek
Uliedi … nagħtikom kmandament ġdid:
li tieqaf taħseb kif se tieħu l-glorja int
li tħares ‘l barra minnek innifsek
li ma tagħmilx lill-ieħor strument biex tieħu vantaġġ minn fuqu
li titlaq l-interessi tiegħek u tfittex tiegħu.
bħalma ħabbejtkom jien, ħobbu …!
Irrifletti
- X’tip ta’ mħabba tħaddan b’ħajtek?
iii. Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom
Branding
differenti
ferm aktar eżiġenti
mhux marka fuq prodott ta’ kumpanija
mhix faċċata, kelma jew titlu li ġġorr
mhix sempliċiment kif ser ngħix jien
iżda t-tip ta’ rabtiet li ser ninsġu bejnietna:
ma nistax naħseb sempliċiment fis-singular
għax l-imħabba bilfors timplika l-plural
Branding:
jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom
Kulħadd jagħraf li dixxipli tal-Imħabba!
Irrifletti
Ma’ min ngħix il-fidi nisranija?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.