Paċi

Paċi

Niċċelebraw l-Evanġelju tas-6 Ħadd tal-Għid

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

IFost il-ġnus Alla wera s-salvazzjoni tiegħu.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu. Min ma jħobbnix ma jħarisx kliemi. U l-kelma li qegħdin tisimgħu mhijiex tiegħi, imma tal-Missier li bagħatni.Għedtilkom dan meta għadni magħkom. Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom. Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’. Smajtu x’għedtilkom: ‘Jiena sejjer u nerġa’ niġi għandkom’. Kieku kontu tħobbuni, kontu tifirħu li sejjer għand il-Missier, għax il-Missier hu akbar minni. U għedtilkom dan minn issa qabel ma jseħħ, biex meta jseħħ temmnu”.

(Ġw 14:23-29)

pexels/polina tankilevitch: to care is to be saved from self-preoccupation

Riflessjoni u talba:

i. Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu.

Kultant ninqabad fl-illużjoni
li jekk inħares l-interessi tiegħi
nirnexxi.
Minflok insibni inkabbar
il-preokkupazzjonijiet
u l-iżolament.

Imma nista’ nagħżel li
noħroġ, inħobb, inħares
ngħożż il-Kelma.
U nsib lili nnifsi
maħbub, mimli, m’Alla.

Irrifletti

  • Xi tfisser għalik  li tħares il-kelma tiegħU?
pexes/paulo marcio dos santos: no need to be greater than grace


ii. Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja.

Mhux li tħares lejn kollox skont kemm se jaqdi lilek
iżda li tiggosta kollox għal dak li hu.
Mhux li tissaporti u timtela bil-qrusa
iżda li temmen u taħdem għat-tajjeb anke meta m’hemmx riżultat.
Mhux li tieħu pussess tal-affarijiet jew tikkontrolla l-ħajja
iżda li tħobb u tieħu ħsieb filwaqt li tafda l-proċess f’idejn Alla.
Mhux li tagħmel li trid u bla kontroll
iżda li tadotta d-dixxiplini li jagħmluk strument għall-ġid.
Mhux li tippretendi kollox bi dritt
iżda li tagħraf li kollox huwa rigal.
Li tgħix il-ġurnata mhux bħallikieku kollox idur miegħek
iżda li kollox f’Alla:
Jaf nagħmel żbalji …
imma nħalli l-grazzja t’Alla tiltaqa’ miegħi u terfagħni!

Irrifletti

  • Fejn kellek xi esperjenza ta’ paċi ġenwina?
pexels/shvets: communicating from the heart


iii. Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’

Jekk dak li qed jgħid dan il-kliem
qed jgħidu xħin qed jiġi ttradut
mhux rikonoxxut
f’nofs konfoffa biex joqtluh
fejn donnu 3 snin xogħol ma ħallew l-ebda frott
 
tqum il-mistoqsija:
X’hemm f’qalbu?
X’jgħinu ma jiżbilanċjax ruħu?
Minn fejn ġejja l-paċi li mhux biss għandu iżda wkoll jgħaddi?

Irrifletti

Isma’ l-kliem biex tisma’ lilU: “tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’”


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.