Difensur

Difensur

Niċċelebraw l-Evanġelju ta’ Pentekoste

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, Mulej, u ġedded il-wiċċ tal-art.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi. U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem. Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu. Min ma jħobbnix ma jħarisx kliemi. U l-kelma li qegħdin tisimgħu mhijiex tiegħi, imma tal-Missier li bagħatni. Għedtilkom dan meta għadni magħkom. Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom”.

(Ġw 14, 15-16. 23b-26)

pexels/mohammed reza fathian: only light can save from darkness

Riflessjoni u talba:

i. Hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem.

Nitħabat!
Niswa’ jew se nispiċċa fix-xejn?
It-tajjeb jiswa’ jew jiġi fix-xejn?
Hemm ħaġa waħda li hi vera? Hemm dak li tista’ sserraħ fuqu?
Jew kollox falz? Inkluż ix-xewqa fija u fl-oħrajn għat-tajjeb?
 
Il-Missier jikxef il-vuċi tal-akkużatur
u jagħtini l-Ispirtu
li kontinwament, b’mod ġentili,
jara li tilma’ l-verità, jikkonvinċini minn dak li hu sew,
iġib saħħa u ferħ fil-qalb li ssir kapaċi tikkonsla u tiddefendi lil
min miegħi qed
jitħabat.

Irrifletti

  • Ma xhiex titħabat? X’qed jgħaddilek id-Difensur?
pexes/miguel: to build a home stones are not enough


ii. Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu.

Nisraq l-art
nisraq il-ġebel
nisraq biex nibni u nimla DAR
li tispiċċa ħabż ta’ iżolament.

Imma meta nirrikonoxxi lil min tagħni l-art u l-ġebel
Meta nħobb lil min tani kollox
Meta nħares, nirrispetta u mmexxi ‘l quddiem kull kelma/oġġett li tani
insib li qed ngħix f’Alla u Alla fija
li jien insir dar fejn jgħammar Alla
u kull spazju, kull relazzjoni
rivelazzjoni tal-presenza t’Alla li jagħmel id-dar tiegħu magħna.

Irrifletti

  • Fejn doqt l-imħabba bħala l-post fejn tiltaqa’ m’Alla?
pexels/angela roma: what kind of memories are life-giving?


iii. Id-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom

Għandi ħafna informazzjoni
iżda mxennaq għall-għerf
dak jgħinni nagħmel sens mill-ħajja
li jagħti direzzjoni sabiħa lil kull ġest, kelma, tbissima.
 
Għandna bżonn tad-Difensur
li jfakkarna dak kollu li tassew jiswa’, li hu veru, li jwassal għall-ġid,
għax insibuna niftakru biss fil-ħmerijiet li jiżvojtjaw il-ħajja,
niftakru biss fil-vuċijiet li jaqtgħulna qalbna,
niftakru biss dak li jiddisprana mill-possibiltajiet ta’ ġid u ta’ tama.

Irrifletti

Fejn doqt il-presenza tal-Ispirtu li jfakkrek f’xi ħaġa li tnissel tama?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.