Għaliex … għalhekk

Għaliex … għalhekk

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-Trinità qaddisa

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Mulej, Sid tagħna, kemm hu kbir ismek fl-art kollha!


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom. Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha; għaliex hu ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma’, u jħabbrilkom il-ġejjieni.
Hu jagħtini glorja, għaliex jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom. Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi. Għalhekk għedt li jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom”.

(Ġw 16:12-15)

pexels/bruno pires: mystery is about ongoing discovery – nothing less

Riflessjoni u talba:

i. Iwassalkom … għaliex hu ma jgħid xejn minn tiegħu imma jgħid dak li jisma’, u jħabbrilkom il-ġejjieni

Jien nitħabat ma’ elf għaliex,
il-mistoqsijiet quddiem grajjiet diffiċli,
ix-xewqa li jkolli spjegazzjoni sħiħa.
 
Imma l-Ispirtu tal-verità
IWASSALNA
jgħinna ma neħlux
GĦALIEX
jgħaqqad u jinseġ flimkien
dak li jirċievi – l-għarfien tal-imħabba tal-Iben li kapaċi jieħu inizjattiva
l-ġejjieni – l-imħabba li ma teħilx quddiem id-diffiċli iżda tiftaħ triq lil hinn.

Irrifletti

  • A prophet is a person who, in the deepest night of dark despair, sees the first glimmer of hope and leads us towards it.” Rabbi Jonathan Sacks.
pexels/cottonbro: God’s mystery draws us into the dynamics of love


ii. Jagħtini glorja … għaliex jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom.

Il-glorja tad-dinja
meta nitla’ ‘l fuq mill-oħrajn,
meta jien fiċ-ċentru u nista’ nikkontrolla,
glorja li tinbidel fi bżonn li nkun perfett biex ikolli valur.

Il-glorja tal-Iben differenti:
ġejja minn imħabba li kapaċi taqsam u tirċievi
imħabba li taf tapprezza imma mhux timponi
fl-istess ħin imħabba li tħabbar, tipproponi, tiftaħ futur.
Il-glorja tal-Iben li jitla’ biex jagħti u jinżel biex joffri qawmien.

Irrifletti

  • X’inhu t-tajjeb li Alla qed jistiednek għalih? 
pexes/pixabay: the mystery of sharing life and hope


iii. Għalhekk għedt li jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom …

Is-sinjal tal-presenza t’Alla
mhux xi ħadd li għandu kollox
mhux l-onnipotenza li tinbidel f’arroganza
mhux il-pussess u l-kontroll
 
iżda fejn il-ġid u l-imħabba jitqassmu –
“Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi” –
fejn dan il-ġid, din l-imħabba, toffri futur (“jħabbru lilkom”)
fejn l-għerf jintuża għall-ħajja mhux għall-ħsara
fejn tikber l-umiltà u mhux is-suppervja
fejn mhux igawdu l-ftit iżda jikber l-impenn għad-dinjità ta’ kulħadd.

Irrifletti

  • B’liema mod tista’ tagħmel il-ġid b’dak li għandek?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.