Ħajja mhux numri!
Niċċelebraw l-Evanġelju tal-21 Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda jgħallem f’xi bliet u rħula. U kien hemm wieħed qallu: “Mulej, jaqaw ftit huma dawk li jsalvaw?”. U huwa weġibhom: “Tħabtu biex tidħlu mill-bieb id-dejjaq, għax kif ngħidilkom jien, ħafna għad ifittxu li jidħlu u ma jirnexxilhomx. Għax meta sid id-dar ikun qam jagħlaq il-bieb, intom tibqgħu barra, u tibdew tħabbtu l-bieb u tgħidu: ‘Mulej, iftħilna!’. Iżda hu jweġibkom u jgħid: ‘Ma nafx mnejn intom’. Imbagħad taqbdu tgħidulu: ‘Kilna u xrobna miegħek aħna, u int għallimt fil-pjazez tagħna’. Hu jwieġeb u jgħidilkom: ‘Ma nafx mnejn intom; morru minn quddiemi, intom ilkoll li tagħmlu dak li mhux sewwa!’. Hemmhekk ikun hemm il-biki u tgħażżiż tas-snien, meta taraw lil Abraham u lil Iżakk u lil Ġakobb u l-profeti kollha fis-Saltna ta’ Alla, u intom imkeċċija ’l barra. U jiġu nies mil-Lvant u mill-Punent, mit-Tramuntana u min-Nofsinhar, u joqogħdu għall-mejda fis-Saltna ta’ Alla. U araw, hawn min hu tal-aħħar u għad ikun l-ewwel, u hawn min hu tal-ewwel u għad ikun l-aħħar”.
(Lq 13:22-30)
Riflessjoni u talba:
i. “Tħabtu biex tidħlu mill-bieb id-dejjaq …”
Staqsewh fuq numri –
xi kemm ser isalvaw?
jaqaw ftit?
Ġesù, li jrid isalva lil kulħadd,
ma jitkellimx fuq numri,
iżda fuq sfida!
Jgħidlek li ssalva jekk TGĦIX,
jekk ma tibżax tgħaddi mid-djuq,
fejn qalbek tingħasar għax tħobb!
Hu ma beżax,
għix, qalbu ingħafset, ħabb,
u salva – qam mill-mewt,
u jsalva – jagħti l-ħajja.
Irrifletti
- Fejn sfidat biex tgħaddi mill-bieb id-dejjaq?
ii. “Ma nafx mnejn intom; morru minn quddiemi, intom ilkoll li tagħmlu dak li mhux sewwa!”
Huma jsemmu l-pjazez,
qbiżna, kilna, ħadna selfie miegħek,
… ara r-ritratti! Dan tal-festa! Dan wara l-quddiesa!
Hu jirreferi għall-qalb,
minn fejn joħroġ dak kollu li hu sewwa jew li mhux,
… ma nafekx! Qalb li tagħżel dak li mhux sewwa! Għalfejn qed tmewwet ix-xbieha t’Alla fik?
Irrifletti
- Liema għażliet kuntent bihom? Sbieħ? Liema ma jagħmlulekx unur? U lanqas lil Dak li ħalqek!
iii. “U jiġu nies mil-Lvant u mill-Punent, mit-Tramuntana u min-Nofsinhar, u joqogħdu għall-mejda fis-Saltna ta’ Alla. U araw, hawn min hu tal-aħħar u għad ikun l-ewwel …”
Il-mejda tiegħU kbira,
hemm post għal kulħadd,
għal kull rokna tad-dinja.
Iżda m’hemmx post għall-pretensjoni:
l-imkabbar jitniżżel,
u hemm min armejnieh u għad ikun l-ewwel!
Irrifletti
- Kien hemm xi sinjal li qed jgħinek tqum mill-aljenazzjoni?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.