Ibqa’ miexi

Ibqa’ miexi


Niċċelebraw l-Evanġelju tal-Epifanija

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Il-ġnus kollha tal-art jagħtuk qima, Mulej


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

Meta twieled Ġesù f’Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-Lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh”. Is-sultan Erodi sama’ bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled il-Messija. U huma qalulu: “F’Betlehem tal-Lhudija, għax hekk inkiteb mill-profeta: “U int, Betlehem, art ta’ Ġuda, le, m’intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda, għax minnek joħroġ mexxej li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael”.
Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom Betlehem u qalilhom: “Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu”.
Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra. Imbagħad, billi kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra.

(Mt 2, 1-12)

pexels/fauxels: to ask questions is to become vulnerable

Riflessjoni u talba:

i. Xi maġi mil-Lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu

Hemm min miftuħ għall-Misteru,
min lest li jbexxaq bieb ħalli jidħol aktar dawl,
lest li jimxi, jivvjaġġa, jiċċaqlaq
lest li jsaqsi, jiskopri, jitgħallem!
 
Imma kultant nibżgħu!
Nibżgħu li ma nibqgħux aħna fiċ-ċentru,
nibżgħu li ninħassu dgħajfa, li nitilfu l-poter,
nitħawdu u
nibdew nesploraw biss informazzjoni kif nidfnu l-Misteru.

Irrifletti

  • Hemm xi ġrajja sabiħa li qed tistiednek issaqsi aktar?
pexels/cottonbro: the joy of encountering God


ii. Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh.

Erodi baqa’ hemm
imħawwad, jitkixxef bir-reqqa, jinkwieta!
biex jipproteġi lilu nnifsu, jikkundanna lilu nnifsu
li jitlef l-essenzjal!
 
Il-Maġi baqgħu mexjin,
iwieġbu għax-xewqa għat-tajjeb li hemm f’qalbhom
li timtela’ b’ferħ kbir tassew xħin isibu
mhux l-informazzjoni iżda s-sinjal tat-tajjeb (l-istilla)
u malli jiltaqgħu mal-għajn tat-tajjeb
malajr jinżlu, ibaxxu, iqimu.
biex jirċievu, iduqu, jiggustaw
l-imħabba t’Alla li wriet ruħha
biex tgħidli “tibżax!” –
afda fit-tajjeb.

Irrifletti

  • Fejn doqt il-ferħ marbut mat-tajjeb?
pexels/james wheeler: receiving the gift of discernment


iii. Billi kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra
.

Daqu t-tajjeb u ma jħalltuhx mal-ħażin!
Daqu l-imħabba u ma jħalltuhiex mal-mibegħda!
Daqu l-libertà u ma jħalltuhiex mal-kontroll!
Daqu s-sempliċità tal-imħabba u ma jħalltuhiex mal-manuvri tal-qerq!
Daqu l-interess ta’ Alla f’kulħadd u ma jħalltux dan mal-interessi meskini!
Daqu s-sabiħ tal-fiduċja u ma jħalltuhiex mad-djuq tal-awto-suffiċjenza!
Daqu l-ġenerożità u ma jħalltuhiex mar-regħba!
Daqu l-ferħ li hemm f’Alla u ma jħalluhx mal-pjaċir vojt!
Daqu l-komunjoni li joħloq Alla u ma jħalltux dan mal-konfoffi ta’ min jiżra l-firda!

Irrifletti

  • Il-laqgħa ma’ Ġesù x’għażliet qed tistiednek tagħmel?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.