Kif “isssolvi” l-Misteru.

Kif “isssolvi” l-Misteru.


Niċċelebraw l-Evanġelju tas-Solennità ta’ Marija Omm Alla

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Iħenn għalina Alla, u jberikna.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, ir-ragħajja marru jgħaġġlu, u sabu lil Marija u lil Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f’maxtura. Kif raw dan, bdew jgħarrfu b’kulma kien intqal lilhom dwar dik it-tarbija, u kull min semagħhom baqa’ mistagħġeb b’dak li qalulhom ir-ragħajja. Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha.
Ir-ragħajja mbagħad reġgħu lura, isebbħu u jfaħħru lil Alla għal kulma kienu raw u semgħu, kif l-anġlu kien qalilhom. Meta wasal it-tmien jum biex lit-tifel jagħmlulu ċ-ċirkonċiżjoni, semmewh Ġesù, bl-isem li kien tah l-anġlu qabel ma tnissel fil-ġuf.

(Lq 2, 16-21)

Life’s beyond what we grasp

Riflessjoni u talba:

i. Ir-ragħajja marru jgħaġġlu, u sabu lil Marija u lil Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f’maxtura

Tfittixx li ssolvi l-misteru
lanqas li tikkontrollah!

Fittex pjuttost!
Kun lest li ssib!

Idħol inti wkoll fil-Misteru
u ħallih ikun ikel li jmantnik!

Irrifletti

  • Il-ħajja tfittex li tikkontrollaha u ssolviha? X’timplika li tieħu perspettiva oħra?
pexels/ketut subiyanto: walk gently and purposefully


ii. 
Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha

Għaġġel biex tfittex
għaġġel biex issib

iżda tgħallem ieqaf biex tintmess
ieqaf biex tinnota

Taqbadx tiġri biex tkompli –
kompli dażgur, il-ħajja ma tiqafx –
imma issa imxi mod ieħor
għax trid iġġorr il-misteru
b’għożża: inkella titlef l-essenzjal!
b’attenzjoni: inkella ta’ xejn il-kumpass!

Irrifletti

  • X’tispira fik Marija quddiem il-“ħwejjeġ kollha” li l-ħajja laqqgħetek magħhom?
pexels/mikhail nilov: face the future in the light of the promise


iii. Meta wasal it-tmien jum biex lit-tifel jagħmlulu ċ-ċirkonċiżjoni, semmewh Ġesù, bl-isem li kien tah l-anġlu qabel ma tnissel fil-ġuf.

Jidher li Marija u Ġużeppi
tkellmu bejniethom fuq il-misteru u
qabblu l-esperjenzi tagħhom.

Imma fuq kollox qablu
li ma jikkontrollawx il-Misteru –
ma tawhx isem marbut mar-razza, ma’ dak li ġie fil-passat, ma xi ħaġa li ġa skoprew

Qablu
li jibqgħu miftuħin għall-Misteru
li jitmexxew biss mill-wegħda li dejjem tiftaħ futur
marbuta ma’ dak li qal l-anġlu qabel biss sar it-tnissil
marbuta ma’ dak li se jwettaq qabel biss raw xi tibdil:
ismu ĠESÙ: għax Hu jsalva l-poplu minn dnubiethom!

Irrifletti

  • Kif tħares lejn il-futur: b’ansjetá għax trid tikkontrollah waħdek jew b’fiduċja fil-wegħda?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.