Mhux mimli bih innifsu!

Mhux mimli bih innifsu!

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-tieni Ħadd tas-sena

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Hawn jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġwanni, ra lil Ġesù riesaq lejh, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja. Dan hu li għalih għedtilkom: ‘Warajja ġej bniedem li hu aqwa minni, għax kien qabli’. Anqas jien stess ma kont nafu, imma jien għalhekk ġejt ngħammed bl-ilma, biex hu jkun mgħarraf lil Iżrael”.
U Ġwanni xehed għalih u qal: “Jiena rajt l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema u joqgħod fuqu. Tabilħaqq, anqas jien ma kont nafu; imma dak li bagħatni ngħammed bl-ilma, hu stess qalli: ‘Fuq min tara l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu’. Dan rajtu b’għajnejja, u għalhekk xhedt, dan hu l-Iben ta’ Alla”.

(Ġw 1, 29-34)

pexels/belal alshugri: remaining open

Riflessjoni u talba:

i. Ġwanni, ra lil Ġesù riesaq lejh, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla…

Ġwanni
għax mhux mimli bih innifsu
jista’ jara, jinnota, jissorprendi ruħu,
japprezza l-mod straordinarju
kif taħdem l-imħabba t’Alla
… bħall-ĦARUF meħud għall-qatla
fejn tibqa’ tilma biss l-imħabba pura
li tneħħi d-dnubiet tad-dinja,
tmiss fejn hemm nuqqas ta’ mħabba
u ssalva.
“Araw il-Ħaruf t’Alla”

Irrifletti

  • Fejn qed jissorprendik Alla?
pexels/charlotte may: staying


ii. “Jiena rajt l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema u joqgħod fuqu.”

Ġwanni jaf il-post tiegħu fil-ħajja:
mhux li joqgħod jiffissa fuq il-posizzjoni tiegħu fil-ħajja
iżda li jħejji l-post għal Alla
li jagħraf il-post fejn qed jaħdem Alla
li jinnota fejn hemm is-sinjali tal-Ispirtu
li jinżel, u joqgħod
bħall-ilma fi sponża.

Irrifletti

  • Fejn tara l-Ispirtu jinżel u joqgħod fil-ħajja tiegħek? Fil-ħajja tal-Knisja? Fid-dinja?
pexels/jaxon castellan: conviction and purpose


iii. Lanqas jien ma kont nafu
 … Dan rajtu b’għajnejja, u għalhekk xhedt, dan hu l-Iben ta’ Alla.

Ġwanni jagħmel vjaġġ!
Kien lest li jiskopri
lil dak li ma kienx jafu
lil dak li hu akbar minn dak li setà jimmaġina –
l-Iben ta’ Alla –
imma kien lest ukoll li jgħix
li jixhed
li b’ħajtu juri li l-Iben t’Alla jagħti sens lill-ħajti
anke meta jidher li ser jispiċċa bla ras!
Jixhed!

Irrifletti

  • Kif mistieden turi b’ħajtek li Ġesù hu l-Iben t’Alla?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.