Jibdel ir-rotta!

Jibdel ir-rotta!

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-tielet Ħadd tas-sena

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

Meta Ġesù sama’ li kienu arrestaw lil Ġwanni, warrab lejn il-Galilija. Telaq minn Nażaret u mar joqgħod Kafarnahum, qrib il-baħar, fl-inħawi ta’ Żebulun u Naftali, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Iżaija, meta qal:
“Art ta’ Żebulun, u art ta’ Naftali,
it-triq tal-baħar, art ’il hemm mill-Ġordan, Galilija tal-ġnus!
Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam ra dawl kbir;
dawk li kienu f’art u dell il-mewt idda dawl għalihom”.
Minn dak iż-żmien Ġesù beda jxandar u jgħid: “Indmu għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet”.
Huwa u jdur ma’ xatt il-baħar tal-Galilija lemaħ żewġt aħwa, Xmun jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, qegħdin jixħtu x-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. U qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin”. U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh. Wara li mexa minn hemm ra żewġt aħwa oħra, Ġakbu ta’ Żebedew u ħuh Ġwanni, qegħdin fid-dgħajsa ma’ missierhom Żebedew isewwu x-xbiek tagħhom, u sejħilhom. Minnufih telqu d-dgħajsa u lil missierhom, u marru warajh.
Ġesù dar il-Galilija kollha jgħallem fis-sinagogi tagħhom, ixandar l-Evanġelju tas-Saltna u jfejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija fost il-poplu.

(Mt 4, 12-23)

pexels/fauxels: it’s not time to retreat!

Riflessjoni u talba:

i. Meta Ġesù sama’ li kienu arrestaw lil Ġwanni, warrab lejn il-Galilija

Bniedem attent,
jisma’, jinnota,
u jieħu deċiżjonijiet
 
Arrestaw lil Ġwanni:
Ġesù jiċċaqlaq, iwarrab:
mhux biex jaħrab mid-dinja, mill-ħajja, bil-biża’
iżda biex jersaq aktar qrib tal-kumplessità, tad-dlam, b’kuraġġ.
Hemm jipproponi, iħabbar, ikun dawl.

Irrifletti

  • Liema ġrajja ħasditek din il-ġimgħa? X’deċiżjoni ħadt?
pexels/david alberto carmona coto: new possibilities


ii. Minn dak iż-żmien Ġesù beda jxandar u jgħid “Indmu għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet”

Fil-mument li l-ħażen deher li rebaħ biċċa oħra,
fil-mument li Ġwanni ġie msikket,
u kulħadd kien ser jerġa lura rassenjat
 
Ġesù joħroġ b’determinazzjoni
jintensifika l-proposta
jiżvela futur li jqanqal il-preżent:
Tagħmel sens li nibdlu r-rotta!

Irrifletti

  • Fejn hemm bżonn li nibdlu r-rotta ġaladarba s-Saltna t’Alla waslet?
pexels/tima miroshnichenko: stand up and be counted


iii. Huwa u jdur ma’ xatt il-baħar tal-Galilija lemaħ żewġt aħwa …

Ma jdurx bla sens
bħal wieħed li ma jafx xi jrid
li ma jafx fejn sejjer!
 
Idur u jċaqlaq!
Min jiltaqa’ miegħu jagħmel bidla
jirbaħ fuq is-sentiment: “dejjem hekk sar”,
“ma hemmx x’tagħmel”
“ma jista’ jsir xejn”!
 
Persuna, tnejn, tlieta
iduqu il-ħarsa tiegħu, iwieġbu għat-tqanqila tiegħu
U jibdlu: jinbidlu u jibdlu.

Irrifletti

  • X’qed iqanqal fik Alla?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.