Tiskantax li hemm triq aħjar!

Tiskantax li hemm triq aħjar!

Niċċelebraw l-Evanġelju tas-7 Ħadd tas-sena

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Henjin dawk li jimxu fil-liġi tal-Mulej.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Smajtu xi ntqal: ‘Għajn b’għajn u sinna b’sinna’. Imma jiena ngħidilkom biex bniedem ħażin ma tiqfulux; anzi, jekk xi ħadd jagħtik daqqa ta’ ħarta fuq ħaddek tal-lemin, dawwarlu l-ieħor ukoll; u lil min ikun irid itellgħek il-qorti u jeħodlok il-libsa, ħallilu wkoll il-mantar. U jekk xi ħadd iġagħlek timxi miegħu mil wieħed, mur miegħu tnejn. Agħti lil min jitolbok u ddawwarx spallejk lil min ikun irid jissellef mingħandek.


Smajtu xi ntqal: ‘Ħobb lil għajrek, u obgħod lill-għadu tiegħek’. Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom, biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-smewwiet; għax hu jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min mhuwiex.


Għax jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jistħoqqilkom? Mhux il-pubblikani wkoll jagħmluh dan? U jekk issellmu lil ħutkom biss, xi tkunu tagħmlu żejjed? Mhux il-pagani wkoll jagħmluh dan? Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet”.

(Mt 5:38-48)

pexels/takeshi arai: some journeys are not our first choice

Riflessjoni u talba:

i. Jekk xi ħadd iġagħlek timxi miegħu mil wieħed, mur miegħu tnejn.

Taf li l-ħin prezzjuż
u dejjem niġri biex inlaħħaq.
Meta ninzerta lil xi ħadd li jwaqqafni,
l-ewwel ħsieb imur fuq kif se nibqa’ sejjer.
 
Imma inti tgħidli li meta l-ħin tagħtih
mhux talli ma jitteħidlekx
imma jirdoppja fil-valur:
għax jirċievi mill-qawwa eterna tal-imħabba
u l-ħelsien mill-egoiżmu li jagħlaq u jifga
u ma jħalli jinbet xejn.

Irrifletti

  • Kif tista’ tgħix bl-imħabba dak li jiġi fuqek bla ippjanat?
pexels/johannes plenio: love takes us further


ii. 
Għax hu jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min mhuwiex.

Forsi l-ħajja tiġi wisq kumplikata
jekk toqgħod tipprova tqassam ix-xita u x-xemx
skont min jistħoqqlu u min le?
Forsi tispiċċa tagħlaq il-vit għal dejjem
jew taqta’ d-dawl u tarmi ċ-ċavetta?
Għax, fuq kollox, min hu kompletament tajjeb?
 
Jista’ jkun li Ġesù jgħid hekk għax hemm valur fil-koerenza,
għax hemm libertà meta ma tkunx determinat mill-azzjoni ta’ ħaddieħor
hemm fiduċja f’dak li kapaċi toħloq l-imħabba anke jekk meta dan mhux evidenti?

Irrifletti

  • Fejn tħossok ikkundizzjonat iżżejjed mill-aġir ta’ ħaddieħor?
pexels/askar abayev: be open for the other


iii. U jekk issellmu lil ħutkom biss, xi tkunu tagħmlu żejjed?

Kif se tikber jekk tfittex biss lil ta’ ġewwa
jekk tiltaqa’ biss ma’ min hu bħalek
jekk tikkomunika biss fil-bubble tiegħek?
 
Mhux qed ġġorr ir-riskju li tisma’ biss l-eku tiegħek
u wara ftit lanqas lil ħuk ma tibqa’ ssellem?
 
Mela agħti ftit spazju għal min hu differenti
agħti ftit ċans biex tifhem x’jixtieq jgħid
kun lest li tiskopri kif qed jesperjenza l-ħajja
u ftit ftit issib li qed toqrob għall-perfezzjoni tal-Missier
li mhux jittollera iżda joħloq d-diversità
li mhux tifframmentak iżda tagħmlek aktar sħiħ.

Irrifletti

  • Fejn mistieden tiskopri xi ħaġa ġdida f’xi ħadd tal-familja, f’kollega, f’turist? 


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.