Ġwejjed?
Niċċelebraw l-Evanġelju ta’ Ħadd il-Palm
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
Xħin waslu qrib Ġerusalemm u ġew quddiem Betfaġe lejn l-Għolja taż-Żebbuġ, Ġesù bagħat żewġ dixxipli u qalilhom: “Aslu sar-raħal biswitkom; u minnufih issibu ħmara marbuta u felu ħdejha; ħolluhom u ġibuhomli. Jekk xi ħadd jgħidilkom xi ħaġa, weġbuh: ‘Il-Mulej jeħtieġhom, u malajr jerġa’ jibgħathom lura’”.
Dan ġara biex iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta, meta qal: “Għidu lil bint Sijon: ‘Ara, is-Sultan tiegħek ġej għandek, ġwejjed, riekeb fuq ħmara u fuq felu, ferħ ta’ bhima tat-tagħbija’”.
Id-dixxipli marru u għamlu kif ordnalhom Ġesù; ġiebu l-ħmara u l-felu, qiegħdu fuqhom l-imnatar tagħhom, u hu qagħad fuqhom.
Għadd kbir ta’ nies firxu l-imnatar tagħhom fit-triq, waqt li oħrajn qatgħu xi friegħi mis-siġar u ferrxuhom mat-triq. Il-folol li kienu miexja quddiem u dawk li kienu miexja wara bdew jgħajtu u jgħidu: “Hosanna lil Bin David! Imbierek min ġej f’isem il-Mulej! Hosanna fl-ogħla tas-smewwiet!”.
Meta mbagħad daħal Ġerusalemm, il-belt kollha tqanqlet u n-nies bdew jgħidu: “Dan min hu?”. U l-folol weġbuhom: “Dan hu l-profeta Ġesù minn Nazaret tal-Galilija”.
(Mt 21:1-11)
Riflessjoni u talba:
i. ‘Ara, is-Sultan tiegħek ġej għandek, ġwejjed, riekeb fuq ħmara u fuq felu, ferħ ta’ bhima tat-tagħbija’”.
Ġwejjed iżda mhux mitluq,
merħi jew passiv,
qasba tixxejjer mar-riħ,
beżżiegħ jew ineffettiv!
Anzi … determinat
li jsalva d-dinja bil-kwalitajiet tiegħU (mhux tagħha)
bit-tjubija u mhux bil-makakkerija
bit-tfittxija għall-veru mhux bil-paraventu inġenjuż biex jgħatti l-falz!
Irrifletti
- Biex tilħaq l-għanijiet tiegħek, liema għodda tuża? Ta’ Kristu jew tal-ħażen?
ii. Ġiebu l-ħmara u l-felu, qiegħdu fuqhom l-imnatar tagħhom, u hu qagħad fuqhom. Għadd kbir ta’ nies firxu l-imnatar tagħhom fit-triq
Meddejna l-mantar
fuq il-felu u taħt il-ħmar!
Tgħid qed nissogra iżżejjed?
Se jwassal b’dan l-istil?
Dawk li għandhom is-saħħa, anke lilU meddu!
Imma tgħid miegħu nerġgħu nqumu?
Irrifletti
- Fejn issibha diffiċli biex tibqa’ miexi wara Ġesù?
iii. Meta mbagħad daħal Ġerusalemm, il-belt kollha tqanqlet u n-nies bdew jgħidu: “Dan min hu?”.
Jidħol ġwejjed
u min juża’ s-saħħa jitħawwad
min juża’ l-qerq itfixkel.
Diġa meta twieled
“tħawwad hu (Erodi) u Ġerusalemm kollha miegħu”.
Issa l-belt kollha tqanqlet!
Dan min hu?
U jien min jien?
Irrifletti
- Ġesù, Alla-magħna, ġwejjed-riekeb fuq ħmar, ġentili u determinat: x’iqanqal fik?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.