Enormi!

Enormi!

Niċċelebraw l-Evanġelju ta’ Ħadd il-Għid

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;
ħa nifirħu u nithennew fih. Hallelujah.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, filgħodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: “Qalgħu lill-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!”.
Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar. Tbaxxa, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx. Imbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih. Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen.
Sa dakinhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet.

(Ġw 20, 1-9)

pexels/meruyert gonullu: resurrection in us starts with new questions

Riflessjoni u talba:

i. Filgħodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar.

Dan mhux kif ħallejna l-affarijiet aħna!
Kienet hemm u rathom joqtluh!
Taf fejn difnuh.
 
Issa telfa oħra? Lanqas nibki t-telfa tiegħu ma nista?
Il-qabar m’għadux l-istess! U l-Mulej fejn qiegħduh?
Tiddispra jew tfittex iżjed …
ma’ Xmun Pietru u d-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù?

Irrifletti

  • Fejn mistieden tkompli tfittex?
pexels/engin akyurt: strange pointers to new life


ii. 
Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar … Tbaxxa, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx… daħal fil-qabar, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm

Ġużeppi ta’ Arimatija u Nikodemu

kienu ħadu l-ġisem ta’ Ġesù u kebbewh bil-faxex tal-għażel
“kif is-soltu jagħmlu l-Lhud qabel id-difna”.

Issa Pietru u d-dixxiplu l-ieħor raw dawn il-faxex
imqiegħda hemm.
X’jiġifieri? M’hemmx bżonnhom aktar?
Alla mhux midfun?

Irrifletti

  • Fejn tara s-sinjali li jindikaw futur flok difna?
pexels/mariya: rise up, don’t be afraid. Christ is risen!


iii.
Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen.

Issa ma kienx għadu d-dlam!
Ix-xemx bdiet tielgħa u ftit ftit beda dieħel id-dawl ta’ jum ġdid
fl-ewwel jum ta’ ġimgħa
li issa ma tagħtix aktar lejn il-qabar.

Il-futur jintiseġ minn dixxipli bħal dawn:
mhux biżżejjed li bħal Ġużeppi ta’ Arimatija u Nikodemu
wara li Ġesù miet – u forsi deher li m’għadux problema għall-poter –
sabu l-kuraġġ li jitolbu l-ġisem biex jidfnuh …

iżda li bħal Marija ta’ Magdala jsaqsu l-mistoqsija:

“Qalgħu lill-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!”;
li bħal Pietru jaraw is-sinjali ta’ dak li għadda u jħalluh warajhom;
li bħad-dixxiplu l-ieħor jemmnu.

Issa li tbaxxew u daħlu fil-qabar
joħorġu bla biża’ u jgħixu l-ħajja, l-għażliet, l-imħabba ta’ Dak li hu ħaj
anke meta jindunaw li jista’ jiġrilhom bħalU.

Irrifletti

  • Indfinna miegħu fil-mewt permezz tal-magħmudija sabiex kif Kristu kien imqajjem mill-imwiet permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk aħna ngħixu ħajja ġdida. (Rum 6,4)
  • Xi tfisser f’ħajtek?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.