Rigal uniku!

Rigal uniku!

Niċċelebraw l-Evanġelju ta‘ Pentekoste

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, Mulej, u ġedded il-wiċċ tal-art


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

Dak il-Ħadd fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.

(Ġw 20, 19-23)

pexels/cottonbro studio: life renewed

Riflessjoni u talba:

i. Meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”.

Għand dawk imbeżżgħa mill-Lhud

  • mill-aggressività minn barra

u s-sens ta’ falliment u ta’ ħtija minn ġewwa

  • Ġesù rxoxt u rebbieħ

ma jiġix bi prepotenza u sens ta’ superjorità

imma bħall-ilma li jfawwar b’mod ħiemed,

biex fejn hemm nixfa jreġġa l-ħajja:q

“Is-sliem għalikom!”

Irrifletti

  • Naddaf kull fejn hemm it-tbajja’,
  • fejn hemm nixfa reġġa’ l-ħajja,
  • lill-miġruħ agħtih fejqan.
pexels/jack redgate: look ahead


ii. 
Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”

Lil dawk bil-bibien magħluqa

li għalihom spiċċa kollox

fejn il-preżent ma’ jarax futur

u l-passat sempliċiment mażra,

lil dawk sfiduċjati u li l-biża’ jipparalizzahom,

l-Irxoxt iqanqal

fiduċja, ċaqliqa, ħarsa ‘l barra,

futur, proposti, impenn;

jagħti l-Ispirtu, li ġej mill-Missier u mill-Iben:

“Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”.

Irrifletti

  • Rattab fina l-ebusija,
  • agħti lill-berdin bżulija,
  • għin fit-triq lil min beżgħan.


iii.
Nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.

Lil dawk li ċaħduh u ttradewh,

li ppreferew jaħarbu milli jibqgħu

jagħtihom sehem mill-Ispirtu tiegħ

Uil-qawwa li jesprimu l-ogħla espressjoni ta’ mħabba

li kapaċi tiftaħ il-bibien imbarrati tal-qalb:

il-maħfra

imħabba ġeneruża

imħabba għall-ebda raġuni oħra

imħabba anke meta ssib bil-kontra.

Irrifletti

  • O Missier il-foqra tiegħek,inti ġġib id-doni miegħek, tagħni b’dawlek qalb l-ulied.
     


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.