Tiskopri
Niċċelebraw l-Evanġelju tal-5 Ħadd tal-Għid
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna, kif fik hi t-tama tagħna.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll. Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet. Li ma kienx hekk, kont ngħidilkom: “Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu?”. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll. U t-triq għall-post fejn sejjer tafuha”.
Tumas qallu: “Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?”. Wieġbu Ġesù: “Jiena hu t-triq, il-verità u l-ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi. Kieku għaraftu lili, kontu tagħrfu wkoll lil Missieri: minn issa ’l quddiem tagħrfuh, anzi diġa’ rajtuh”. Qallu Filippu: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina”. Ġesù wieġeb: “Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier. Kif tgħidli: “Urina l-Missier?”. Ma temminx li jiena fil-Missier u l-Missier fija? Il-kliem li ngħidilkom jien, ma ngħidux minn moħħi iżda l-Missier li jgħammar fija qiegħed jagħmel l-opri tiegħu.
Emmnuni! Jiena fil-Missier u l-Missier huwa fija. Jekk mhux għal ħaġ’oħra, emmnuni minħabba dawn l-opri stess. Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier”.
(Ġw 14, 1-12)
Riflessjoni u talba:
i. Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll. Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet.
Fil-mument l-aktar intens,
meta kollox maħdum biex jitfgħuh ‘l barra mill-belt
u joqtluh b’mod vjolenti,
Ġesù jistqarr li sejjer iħejji post
fil-qalb ta’ Alla,
fejn l-ebda bniedem ma jiġi mormi.
Tħallix qalbek titħawwad!
Irrifletti
- Xi jfisser għalik li ħejjielek post?
ii. Tumas qallu: “Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?”. Wieġbu Ġesù: “Jiena hu t-triq, il-verità u l-ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.
Nafu fejn sejrin?
Fuq kollox, hemm destinazzjoni?
Suppost mexjin lejn x’imkien?
Mhux aħjar tgawdi l-mument!
Imma ninduna li għandi għatx għal aktar!
Hemm verità li tqanqalni biex nimxi, infittex, niskopriha ftit iżjed;
issir triq li tiġġenera ħajja u twassal għal aktar ħajja.
Fil-mumenti l-aktar intensi ta’ vjolenza qarrieqa
Ġesù joffri lilu nnifsu bħala ħajja vera.
Irrifletti
- Liema kliem ta’ Ġesù iqanqlek biex terġa tibda tfittex?
iii. Qallu Filippu: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina”. Ġesù wieġeb: “Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier.
Hemm fija għatx għal Alla,
għas-sbuħija li tattirani u li qatt ma naħkem;
għat-tjubija li thennini bla ma xxebbagħni;
għal sigurtà li teħlisni bla qatt tifgani.
Mulej, urina l-Missier!
U Ġesù jgħidli:
Jiena hu r-Ragħaj it-tajjeb …
min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien,
u akbar minnhom għad jagħmel …
jesprimi s-sabiħ … it-tajjeb.
Irrifletti
- Kif mistieden tirrifletti f’ħajtek is-sbuħija u t-tjubija t’Alla?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.