Kompassjoni
Niċċelebraw l-Evanġelju tal-11-il Ħadd
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù ra n-nies u tħassarhom, għax kienu mdejqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj. Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu”.
Sejjaħ lejh it-tnax-il dixxiplu tiegħu, u tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena biex ikeċċuhom, u jfejqu kull xorta ta’ mard u ’l kull min kien nieqes minn saħħtu.
L-ismijiet tat-tnax-il appostlu huma dawn: l-ewwel Xmun, jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, u Ġakbu ta’ Żebedew, u ħuh Ġwanni, Filippu u Bartilmew, Tumas u Mattew il-pubblikan, Ġakbu ta’ Alfew, u Taddew, Xmun il-Kanani, u Ġuda l-Iskarjota, li mbagħad ittradieh.
Lil dawn it-tnax Ġesù bagħathom b’dawn l-ordnijiet: “Taqbdux triq il-pagani, u tidħlux f’belt tas-Samaritani; imma qabel xejn morru fittxu n-nagħaġ il-mitlufa tad-dar ta’ Iżrael. Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet. Fejqu l-morda, qajmu l-mejtin, fejqu l-lebbrużi, keċċu x-xjaten. B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu”.
(Mt 9, 36 – 10, 8)
Riflessjoni u talba:
i. Ġesù ra n-nies u tħassarhom, għax kienu mdejqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj. Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit. Itolbu mela …”
B’għajnejh jieħu interess, jinnota, jiżen
fil-ġewwieni tiegħu jintmess, jitqanqal, iħobb, jiddeċiedi
bil-fomm iqanqal qlub oħra
biex jiftħu għajnejhom, qalbhom, u fommhom
fl-istess direzzjoni ta’ Sid il-ħsad.
Irrifletti
X’tinnota madwarek? Xi tħoss? X’tixtieq tikkomunika?
ii. Sejjaħ lejh it-tnax-il dixxiplu tiegħu, u tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena biex ikeċċuhom, u jfejqu kull xorta ta’ mard u ’l kull min kien nieqes minn saħħtu.
Mhux maġija,
lanqas protagoniżmu jew spettaklu!
Iżda jinvolvi,
jaqsam il-qawwa tiegħu ma’ numru ta’ nies
jibgħathom iqawwu lil ħaddieħor ukoll
jeħilsuhom mid-dwejjaq ħiereġ minn spirtu ħażin intern
mit-telqa tal-mard u n-nuqqas ta’ fiduċja.
Irrifletti
Tixgħel musbieħ jew titfi dak li xegħel ħaddieħor?
iii. Lil dawn it-tnax Ġesù bagħathom b’dawn l-ordnijiet … B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu.
Quddiem poplu mdejjaq u mitluq
bħal nagħaġ bla ragħaj
l-emfasi ta’ Ġesù mhix li jieħu pussess –
dittatur benevolenti –
jew li jieħu post il-kuxjenza u jisraq il-libertà;
l-ordnijiet li jagħti huma ta’ min daq il-libertà
li tiġi minn esperjenza ta’ mħabba bla interessi
li tillibera l-persuna biex issib postha:
“b’xejn ħadtu, b’xejn agħtu”.
L-ordnijiet ta’ Ġesù huma l-kreattività ħierġa mill-imħabba.
Irrifletti
Kif tista’ tagħti esperjenza ta’ mħabba gratuità lil ħaddieħor?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.