Xejn la tibżgħu!

Xejn la tibżgħu!

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-12-il Ħadd

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Fil-kobor ta’ tjubitek weġibni, O Alla.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-Appostli tiegħu: “La tibżgħux mill-bnedmin. Għax xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf. Dak li jien ngħidilkom fid-dlam għiduh fid-dawl, u dak li ngħidilkom f’widnejkom xandruh minn fuq il-bjut. U tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ; imma aktar ibżgħu minn dak li jista’ jeqred kemm ir-ruħ u kemm il-ġisem fl-infern.
Żewġ għasafar tal-bejt mhux b’ħabba jinbiegħu? U b’danakollu anqas wieħed minnhom ma jaqa’ fl-art mingħajr ir-rieda ta’ missierkom. Intom imbagħad sax-xagħar ta’ raskom kollu hu magħdud. Mela xejn la tibżgħu; intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt. Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet”.

(Mt 10, 26-33)

pexels/aa dil: embrace the mystery

Riflessjoni u talba:

i. La tibżgħux mill-bnedmin.

Biża’ li jġib maskra fuq maskra
skont x’jixtieq dak jew x’tistenna l-oħra;
biża’ li jisraq il-libertà
u ma jħallinix nesprimi dak li nemmen fil-ġewwieni tiegħi
jew forsi lanqas ma jħallini naħseb, nirrifletti, noffri ħsieb ġdid.
X’inhu dan il-biża’? Għalfejn?
Kif tirbħu?
Ibda mid-dlam u kompli fil-beraħ!
Tħallix l-aspettativi foloz ta’ barra jitfu d-dawl li rċevejt! 

Irrifletti

X’tip ta’ biża’ jmissek?

pexels/vickie intili: embrace your interiority


ii. U tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ
.

Kollox jgħidli biex noffri immaġni tajba
biex ninvesti fuq kif nidher:
l-unika passaport biex jaċċettawni?
 
Hemm theddid reali
kontroll u attakki
fuq il-ġisem li jħoss u jweġġa’;
iżda l-ġewwieni ma jistgħux imissuh!
 
L-essenza tal-ħajja fir-ruħ
imbagħad il-ġisem jiddi.
Ħares lejn Ġesù fuq is-salib!

Irrifletti

X’jista’ joqtol ir-ruħ?

pexels/jeswin thomas: embrace life


iii. Intom imbagħad sax-xagħar ta’ raskom kollu hu magħdud. Mela xejn la tibżgħu; intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt.

L-għasafar jaqbżu, inaqqru, itiru
b’fiduċja fil-ħajja
u ħielsa mill-kumplessi –
tgħid isibu xi nuqqas fija? jien bla valur? jaf nispiċċa mormi?
 
Niswa’ ħafna iżjed minn għasfur tal-bejt:
m’inix mormi,
il-limitu tiegħi mhux ostaklu!
 
Għalfejn imwerwer?
Aqbeż fil-ħajja – tibqax gallerija.
Naqqar, irċievi, apprezza s-sinjali kbar u żgħar tal-istima t’Alla.
Tir b’libertà, ħobb, ingħata, tistħix:
tibżax tagħti ħajtek … tir!

Irrifletti

X’titgħallem mill-għasafar tal-bejt?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.