Min
Niċċelebraw l-Evanġelju tat-13-il Ħadd
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-appostli tiegħu: “Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi; min iħobb lil ibnu jew lil bintu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun tiegħi. U min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi.
Min isib lil ħajtu, jitlifha; u min jitlef lil ħajtu minħabba fija jsibha. Min jilqa’ lilkom jilqa’ lili, u min jilqa’ lili jkun jilqa’ lil dak li bagħatni. Min jilqa’ profeta għax hu profeta, ħlas ta’ profeta jieħu; u min jilqa’ bniedem ġust għax hu ġust, ħlas ta’ wieħed ġust jieħu. U kull min jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu”.
(Mt 10, 37-42)
Riflessjoni u talba:
i. Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi
Nieqaf quddiem pittura,
nammira s-sbuħija tagħha:
Hemm xi ħadd li kellu passjoni!
Ninnota mużiċist,
mitluf, kuntent, idoqq:
u nifhem!
Ġesù ma jridx medjokrità!
Irrifletti
Il-kliem ta’ Ġesù kif jisfidak?
ii. Min isib lil ħajtu, jitlifha; u min jitlef lil ħajtu minħabba fija jsibha.
Ġesù jieqaf u jinnota:
persuna li ma beżgħetx tmur kontra l-kurrent
xi ħadd deher iblah xħin mexa fuq prinċipji tal-Vanġelu
oħrajn tilfu l-flus xħin marru volontarjat
uħud ħallew karriera possibbli u siefru b’missjoni
jinnota n-nisġa ta’ kuljum ta’ nies miżżewġa li jħobbu flok jikkompetu
jinnota u jifraħ
xħin jara l-kwalità ta’ ħajjithom
tilma mhux tisparixxi maż-żmien.
Irrifletti
Liema huma l-persuni li jispirawk fil-mod kif taw ħajjithom?
iii. Min jilqa’ lilkom jilqa’ lili, u min jilqa’ lili jkun jilqa’ lil dak li bagħatni.
Ħafna drabi insibni
nippreferi nagħżel li l-ħaġa nagħmilha jien:
hekk inkun żgur!
Nieqaf ftit u nissorprendi ruħi
xħin nara lil Ġesù jimxi mod ieħor:
jiżra fiduċja, jibgħat lid-dixxipli, lili
u niskopri li min jilqa’ bniedem-dixxiplu isib li qed jilqa’ lil Alla.
Irrifletti
Xi tfisser li l-Mulej jibgħatek?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.