Terapija meħtieġa

Terapija meħtieġa

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-31 Ħadd

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Mulej, ħarisli ruħi fis-sliem


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù kellem lin-nies u lid-dixxipli tiegħu, u qalilhom: “Fuq il-katedra ta’ Mosè qagħdu l-kittieba u l-Fariżej. Mela kull ma jgħidulkom huma agħmluh u ħarsuh, iżda tagħmlux kif jagħmlu huma, għax huma kliem biss għandhom, imma fatti xejn. Huma jorbtu qatet kbar u tqal u jgħabbuhom fuq spallejn ħaddieħor, waqt li huma stess anqas b’sebagħhom wieħed ma jridu jħarrkuhom.
Kull ma jagħmlu, jagħmluh għal għajnejn in-nies; għalhekk ikabbru l-filatteri u jtawlu l-ġmiemen tagħhom. Iħobbu l-postijiet ewlenin fl-imwejjed, u s-siġġijiet ta’ quddiem fis-sinagogi, u jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez u li n-nies isejħulhom “rabbi”.
Imma intom tħallux min isejħilkom “rabbi”, għax l-Imgħallem tagħkom wieħed hu, u intom ilkoll aħwa. U ssejħu lil ħadd “missier” fuq din l-art, għax il-Missier tagħkom wieħed hu, dak li hu fis-smewiet. Hekk ukoll tħallux min issejħilkom “mexxejja”, għax il-Mexxej tagħkom wieħed hu, il-Messija. Il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom; min jitgħolla, jitbaxxa, u min jitbaxxa, jitgħolla”. (Mt 23, 1-12)

pexels/hikmet: there’s a time to reflect and a time to act

Riflessjoni u talba:

i. Tagħmlux kif jagħmlu huma, għax huma kliem biss għandhom, imma fatti xejn.

Kliem biss u fatti xejn!
Aktar ma ngħid aktar naħseb li qed fit-tajjeb
aktar insir distanti mill-oħrajn
aktar inpoġġi idealiżmi li jikkundannaw u joqtlu l-ispirtu
milli ideali li jispiraw u jinkuraġixxu fir-realtà.
 
Ġesù mhux hekk!
Il-Kelma saret laħam
kull kelma li jgħid, jgħixha
kull kelma li jgħid, ma jgħidhiex minn fuq u mill-bogħod
iżda minn ħdejn, miexi ma’ …

Irrifletti

  • Kliem biss, fatti xejn: kif tilliberak din il-frażi?
pexels/angela roma: image with no substance?


ii. 
Kull ma jagħmlu, jagħmluh għal għajnejn in-nies

Meta l-ġisem jaqta’ l-arterji mill-qalb u r-ruħ
u jwaħħalhom ma’ kull aspettativa ta’ madwaru
u jipprova jġib l-enerġija tiegħu mill-approvazzjoni ta’ kategorija jew oħra
il-ġisem jiżvojtja, isir apparenza, faċċata.
 
Ġesù mhux hekk:
jiddiċiedi quddiem il-Missier, li jara dak li hu fil-moħbi
l-id il-leminija ma tagħmel xejn biex timpressjona lix-xellugija
Alla li ħalaq d-dinja jgħix moħbi f’Nażaret.

Irrifletti

  • Xi jmexxik f’dak li tagħmel?

pexels/cottonbro: joy in attending to others rather than being the centre of attention


iii. Imma intom tħallux min isejħilkom “rabbi” … Il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom; min jitgħolla, jitbaxxa, u min jitbaxxa, jitgħolla”

Mhux qed jgħidlek “tieħux responsabbiltà”
tkunx f’posizzjoni ta’ awtorità
imma li ma tistax tkun “missier”, “omm” li tagħti l-ħajja lil ħaddieħor
jekk tfittex il-posizzjoni u timla qalbek bit-titlu:
tispiċċa tuża’ kollox biex tkabbar lilek innifsek mhux lil ħaddieħor.
 
Ġesù mhux hekk:
joħroġ għonqu meta hemm nies vulnerabbli li jitwarrbu
għax l-awtorità tuża’ l-liġijiet biex jiddiżumanizzaw (eż. tfejjaqx is-Sibt);
U jaħrab lejn l-għoljiet, meta il-ġid li jagħmel (tkattir tal-ħobż)
jista’ jibdlu f’sultan populista li jisraq il-kuxjenza min-nies.

Irrifletti

  • Kif jispirak Ġesù fl-awtorità li ġġorr?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.