Titlifx l-opportunità

Titlifx l-opportunità

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-32 Ħadd

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Mulej, Alla tiegħi, ruħi bil-għatx għalik


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Is-Saltna tas-Smewwiet ixebbhuha ma’ għaxar xebbiet li ħarġu bl-imsiebaħ tagħhom biex jilqgħu l-għarus. Ħamsa minnhom kienu boloh u ħamsa għaqlin, il-boloh ħadu l-imsiebaħ imma ma ħadux żejt magħhom, waqt li l-għaqlin ħadu mhux biss l-imsiebaħ iżda wkoll iż-żejt fil-kwies. L-għarus iddawwar ma ġie, u għalhekk ilkoll ħadhom in-ngħas u raqdu.
Imbagħad f’nofs ta’ lejl instama’ min jgħajjat: “Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!”. Dawk ix-xebbiet qamu lkoll u ħejjew l-imsiebaħ tagħhom. Iżda l-boloh qalu lill-għaqlin: “Agħtuna ftit żejt minn tagħkom, għax l-imsiebaħ tagħna jintfew”. Qabżu l-għaqlin u qalu: “Għandu mnejn
ma jibqax biżżejjed, la għalina u lanqas għalikom! L-aħjar morru għand tal-ħanut u ixtru għalikom”.
Xħin dawk marru biex jixtru jiġi l-għarus; dawk li kienu lesti daħlu miegħu għall-festa tat-tieġ, u l-bieb ingħalaq. Saflaħħar waslu wkoll ix-xebbiet l-oħra, u bdew jgħidu: “Sinjur, Sinjur, iftħilna!”. Iżda hu weġibhom u qal: “Tassew, ngħidilkom, lilkom ma nafkomx”.
Ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa”.

(Mt 25, 1-13)

pexels/andrea piacquadio: taken by surprise

Riflessjoni u talba:

i. Imbagħad f’nofs ta’ lejl instama’ min jgħajjat: “Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!”

Hemm fejn tistenna u tistenna
bħal donnu kollox wieqaf
id-dawl ibatti għad-dlam
u l-għajnejn jingħalqu mxennqa għall-grazzja
 
li tiġi b’sorpriża, fil-ħin mhux mistenni:
sinjal pożittiv f’persuna diffiċli, ftuħ ġdid fil-komunità, bidla ġewwa fija.

Irrifletti

  • Fejn kellek esperjenza tas-sorpriża tal-grazzja?
pexels/Şeyda Nur Uğur: recognize


ii. 
Qabżu l-għaqlin u qalu: “Għandu mnejn ma jibqax biżżejjed, la għalina u lanqas għalikom! L-aħjar morru għand tal-ħanut u ixtru għalikom”.

Il-presenza t’Alla iċċaqlaq
ma tħallix post għal telqa
titlob risposta personali – ma jistax iwieġeb għalik ħaddieħor –
teżiġi kwalità mhux telqa jew medjokrità.
 
Ħares lejn Ġesù li ma jitfixkilx meta tiġi s-siegħa diffiċli u jħalluh waħdu:
għandu żejt biżżejjed biex jibdel il-lejl tat-tradiment fid-dija tal-fedeltà.
 
Innota l-ġenituri, edukaturi … li jgħaddu kelma ta’ ġid fil-ħin opportun,
Li jwieġbu fil-ħin u b’kuraġġ f’sitwazzjonijiet diffiċli li jinqalgħu minn imkien.

Irrifletti

  • Għandek xi eżempji sbieħ (tiegħek jew ta’ ħaddieħor)?

pexels/andrea piacquadio: God wants to share joy


iii. Dawk li kienu lesti daħlu miegħu għall-festa tat-tieġ, u l-bieb ingħalaq. Saflaħħar waslu wkoll ix-xebbiet l-oħra, u bdew jgħidu: “Sinjur, Sinjur, iftħilna!”.

Il-kliem ta’ Ġesù mhux bżar fl-għajnejn.
L-azzjonijiet tagħna, il-ftuħ jew le għall-grazzja,
għandhom konsegwenzi:
ferħ ta’ festa għal min iwieġeb
paniku u niket għal min jittraskura.
 
Imma lanqas m’hu kliem intiż biex jeqred.
Jgħid storja mhux biex neħlu fil-passat tal-ħtija
iżda biex jixprunana ħalli nqumu għall-preżent:
lil Alla illum trid tilqgħu u l-bieb jinfetaħ.

Irrifletti

  • Fejn neħlu fil-ħtija flok ninfetħu għall-grazzja?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.