Minn fejn ma tistenniex!

Minn fejn ma tistenniex!

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-3 Ħadd tal-Avvent

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi..


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni. Dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen. Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl.
Ix-xhieda ta’ Ġwanni kienet din, meta l-Lhud ta’ Ġerusalemm bagħtu għandu xi qassisin u Leviti biex jistaqsuh: “Int min int?”. Hu stqarr bla ma ċaħad: “Jien m’iniex il-Messija”. Huma reġgħu staqsewh: “Mela min int? Elija?”. “M’iniex”, qalilhom. “Int il-Profeta?”. “Le”, weġibhom. Imbagħad qalulu: “Mela min int? Biex nagħtu tweġiba lil dawk li bagħtuna. Min tgħid li int?”. U hu wieġeb kif qal il-profeta Iżaija: “Jiena l-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Wittu t-triq tal-Mulej”.
Issa dawk il-messaġġiera kienu min-naħa tal-Fariżej. Huma staqsewh: “Mela kif qiegħed tgħammed la m’intix il-Messija, u la Elija u lanqas il-Profeta?”. “Jiena ngħammed bl-ilma”, weġibhom Ġwanni, “imma f’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx, u li ġej warajja; jien anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu”.
Dan ġara f’Betanja, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn Ġwanni kien jgħammed. (Ġw 1:6-8,19-28)

pexels/karolina grabowska: from nowhere!

Riflessjoni u talba:

i. Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl.

Kullimkien dawl mixgħul
bozoz iteptpu, kollox ilellex
kulħadd ifittex li jibbrilla
filwaqt li nħossuna miexja fid-dlam
infittxu dawl ġewwieni
 
U Ġwanni jgħatti lilu nnifsu bid-dell
biex jgħidilna:
“d-dawl ġewwieni jeżisti u mhux jien!”

Irrifletti

  • Fejn qed tfittex dawl ġewwieni f’nofs it-tlellix li jaljena?
pexels/lisa fotios: waiting for the divine light


ii. 
Meta l-Lhud ta’ Ġerusalemm bagħtu għandu xi qassisin u Leviti biex jistaqsuh: “Int min int?”. Hu stqarr bla ma ċaħad: “Jien m’iniex il-Messija”.

Il-Lhud ta’ Ġerusalemm …
probabbli superjuri fuq il-Lhud tal-Galilea!
Il-qassisin u l-Leviti …
dawk laħqu! It-titli jitkellmu waħedhom.
 
U Ġwanni f’nofs deżert
bniedem ta’ bla titli
“m’inix il-Messija … Elija … wieħed mill-profeti”.

Irrifletti

  • X’tagħżel: l-essenzjal jew il-qoxra?

Bethany beyond the Jordan: God comes from unexpected places


iii. Dan ġara f’Betanja, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn Ġwanni kien jgħammed.

Mhux minn Ġerusalemm
mhux mill-post tal-poter
mhux minn fejn is-soltu tistenna
 
iżda minn fejn ma tistenniex
mill-post minn fejn il-poplu daħal fl-art imwiegħda
wara erbgħin sena jterraq f’deżert wara snin ta’ skjavitù.
 
Alla jżomm il-wegħda
jissorprendik f’ħin li ma tobsorx
permezz ta’ laqgħa, kelma, xena minn xi series …

Irrifletti

  • F’liema post issorprendik Alla din il-ġimgħa?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.