Ċirku ta’ ħajja.
Niċċelebraw l-Evanġelju tar-4 Ħadd tal-Għid
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Jiena r-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. Il-mikri, li mhuwiex ir-ragħaj, u li n-nagħaġ mhumiex tiegħu, jara l-lupu ġej, u jħalli n-nagħaġ u jaħrab; u l-lupu jaħtafhom u jxerridhom. Mikri hu, u ma jħabbilx rasu min-nagħaġ.
Jiena r-ragħaj it-tajjeb; jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi, u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili, bħalma l-Missier jagħraf lili u jiena nagħraf lill-Missier; u għan-nagħaġ tiegħi nagħti ħajti. Għandi wkoll nagħaġ oħra, li mhumiex minn dan il-maqjel; lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor, u huma jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda, ragħaj wieħed.
Għalhekk iħobbni l-Missier, għax jien nagħti ħajti, biex nerġa’ neħodha. Ħadd ma jeħodhieli, iżda jien nagħtiha minn rajja. Għandi setgħa li nagħtiha, u għandi s-setgħa li nerġa’ neħodha; din hi l-ordni li ħadt mingħand Missieri”.
(Ġw 10, 11-18)
Riflessjoni u talba:
i. Jiena r-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. Il-mikri, li mhuwiex ir-ragħaj, u li n-nagħaġ mhumiex tiegħu, jara l-lupu ġej, u jħalli n-nagħaġ u jaħrab.
Bħall-mikri nagħmel li għandi nagħmel
nagħmlu b’dover
kultant bħala piż
jew għax m’hemm ħadd biex jieħu ħsieb
kultant b’nofs kedda, work to rule, bla kuraġġ ta’ xejn
u mal-ewwel ċans nitlaq.
Mar-ragħaj it-tajjeb
ninduna li jimpurtani
li attent għall-persuni;
ninduna li nista’ nkun kreattiv
li nfittex il-ġid veru … anke meta mhux faċli.
Irrifletti
- Meta bħal mikri? Meta ispirat mir-ragħaj it-tajjeb?
ii. Għandi wkoll nagħaġ oħra, li mhumiex minn dan il-maqjel; lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor, u huma jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda, ragħaj wieħed.
Naħseb li jekk nagħlaq kull bieb u kull tieqa nkun aktar sigur,
jekk nuri li aħna superjuri u nwaqqa’ lilhom, nkun ħafna aħjar
jekk ninkludi biss lil min jaħsibha bħali, inkun aktar żgur mill-ħsieb tiegħi.
Imma Hu ma jaħsibhiex hekk:
hemm mod kif tibni pontijiet bla ma tkisser l-ilqugħ
hemm aktar saħħa meta terfa’ milli meta tgħoddos
hemm ħsieb aktar sabiħ meta iddakkar
hemm leħen li jgħaqqad mhux jifred
hemm verità sabiħa li taħtha jista’ jikber il-fjur tad-diversità
hemm mod kif inkunu merħla waħda bla ma nispiċċaw bħan-nagħaġ ta’ Bendu!
Irrifletti
- Tgħaqqad jew tifred?
iii. Għalhekk iħobbni l-Missier, għax jien nagħti ħajti, biex nerġa’ neħodha. Ħadd ma jeħodhieli, iżda jien nagħtiha minn rajja.
L-imħabba tiġġenera l-libertà biex Ġesù jagħti ħajtu, u jagħti l-ħajja.
L-imħabba
teħlisni mid-dipendenza: inħallihom jieħduli ħajti biex forsi nħoss li għandi valur;
teħlisni mill-bżonn ta’ proġetti faraoniċi: għax nibża mix-xejn tiegħi;
teħlisni milli għeluq fija nnifsi: bil-biża’ li ma niswa’ għal ħadd.
Il-Missier għalhekk iħobbni:
biex inkun nista’ nħobb, ningħata,
biex nista’ nissorprendi ruħi jien u nirċievi l-ħajja lura.
Għalhekk iħobbni:
biex jiġġenera ċirku ta’ ħajja mhux ta’ dissipazzjoni.
Irrifletti
- X’jisraqli l-enerġija? X’inhu li jirriġenerani?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.