Tagħti l-frott.

Tagħti l-frott.

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-5 Ħadd tal-Għid

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Mulej, nagħtik it-tifħir tiegħi f’ġemgħa kbira.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jiena d-dielja vera u Missieri l-bidwi. Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott jaqtagħha; u kull waħda li tagħmel il-frott jiżborha u jnaddafha, biex tagħmel frott aktar. Intom ġa ndaf minħabba l-kelma li għedtilkom.
Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom. Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija. Jiena d-dielja, intom il-friegħi. Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn. Jekk wieħed ma jibqax fija, jintrema barra bħal fergħa, u jinxef; imbagħad, friegħi bħal dawn jiġbruhom u jixħtuhom fin-nar u jinħarqu.
Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom, itolbu kull ma tridu, u jingħatalkom. Din hi l-glorja ta’ Missieri, li intom tagħmlu ħafna frott u tkunu dixxipli tiegħi”.

(Ġw 15, 1-8)

pexels/cottonbro: pruning as essential dimension

Riflessjoni u talba:

i. Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jiena d-dielja vera u Missieri l-bidwi. Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott jaqtagħha; u kull waħda li tagħmel il-frott jiżborha u jnaddafha, biex tagħmel frott aktar.

Jagħmel id-differenza bejn taqta’ u tiżbor:
li taqta’ l-friegħi li nixfu nifhimha malajr;
li tiżbor dawk li jagħmlu l-frott tidher stramba.
 
Il-bidwi jurina kif
il-fergħa li titwal u tiddandan,
titbiegħed miz-zokk u ma jkollix is-saħħa u l-enerġija
biex tagħmel frott sabiħ u bnin;
 
Il-Mulej jgħinna ngħixu mod ieħor
l-esperjenzi ta’ nuqqas ta’ suċċess,
il-mumenti fejn ma rċevejniex rikonoxximent,
xi kriżi partikulari:
tista’ tkun iż-żabra biex nagħmel frott aktar u itjeb?

Irrifletti

  • Liema esperjenza f’ħajtek tqabbilha maż-żabra?
pexels/picjumbo: fruitgiving is relational.


ii. 
Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom. Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija. Jiena d-dielja, intom il-friegħi.

Hemm mumenti fejn inkunu fergħa niexfa
li tingħalaq fiha nnifisha, li ma jinteressahiex li tagħti frott għall-ġid ta’ ħaddieħor.
 
Hemm mumenti fejn induqu s-sabiħ wieħed jagħti frott lil oħrajn
u nibdew niġru ma’ kullimkien biex nagħtu aktar frott:
insibu li ntawlu l-fergħa, inżidu l-weraq u jonqos il-frott!
Nidhru aħna u qatt il-frott.
 
Meta dduq is-sabiħ li tagħti l-frott
iġri aktar iva, imma lejn is-siġra;
agħraf l-għajn minn fejn tiġi l-qawwa, l-enerġija,
żomm il-motivazzjoni f’postha, il-ħarsa limpida,
u l-frott imbagħad jiġi waħdu.

Irrifletti

  • Xi jfisser għalik illum il-kliem “Ibqgħu fija u jiena nibqa’ fikom”?

pexels/gever: the glory of God is man fully alive.


iii. Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom, itolbu kull ma tridu, u jingħatalkom. Din hi l-glorja ta’ Missieri, li intom tagħmlu ħafna frott u tkunu dixxipli tiegħi”.

Il-glorja ta’ Alla
is-sbuħija u l-verità profonda tiegħU
fi fjura li tiftaħ
f’dielja li tagħti l-frott
fil-bniedem li jagħmel ħafna frott u jkun dixxiplu ta’ Ġesù.

Le mhux għajjur għall-bniedem
mhux f’kompetizzjoni miegħu
mhux indifferenti!

Il-glorja ta’ Alla
is-sbuħija u l-verità profonda tiegħu
fl-intimità mal-bniedem, intimità li tħalli frott f’relazzjonijiet sbieħ.

Irrifletti

  • X’tixtieq titolbu?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.