Frott li jibqa’

Frott li jibqa’

Niċċelebraw l-Evanġelju tas-6 Ħadd tal-Għid

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Il-Mulej wera l-ġustizzja tiegħu lill-ġnus.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi. Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi mħabbti, kif jiena ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed fi mħabbtu. Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.

Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien. Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu. Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom. Ma nsejħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kulma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom.

Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’, ħalli kulma titolbu lill-Missier f’ismi, huwa jagħtihulkom. Dan hu li qiegħed nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin”.

(Ġw 15, 9-17)

pexels/pixabay: God’s love is real but unbounded

Riflessjoni u talba:

i. Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi.

Meta sar Kattoliku,
Thomas Merton skopra lil
“Alla, dak iċ-ċentru li hu kullimkien
u li ċ-ċirkumferenza tiegħu m’hi imkien,
isib lili”.
 
Mistieden nibqa’ f’dik l-imħabba profonda
li anke meta mxerred ‘l hawn u ‘l hinn
fil-ġrajjiet tal-ħajja
inħallih isibni
lil dak li jħobbni!

Irrifletti

  • Fejn hu ċ-ċentru tal-ħajja tiegħek?
pexels/tarikulraana: The joy of immersion


ii. 
Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi mħabbti, kif jiena ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed fi mħabbtu.

Għall-bidu nifhimha ħażin:
bħallikieku dak Alla li ħalaqni bla ma ħallastu
issa qed ipoġġili prezz għal imħabbtu.
 
Imbagħad inħares lejn tifel
li tgħallem isuq ir-rota:
għax jaqdef ma jaqax:
jibqa’ miexi, jibqa’ wieqaf!
 
Irċievi l-imħabba
emminha, għix minnha,
u ssib li qiegħed fiha.

Irrifletti

  • Ieqaf ftit fuq ġesti ta’ mħabba li rċevejt, li wettaqt. Xi tħalli fik din il-memorja?

pexels/ahmed akacha: join in!


iii. Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’.

Il-ferħ jilma fl-għajnejn
it-tjubija tinfirex
bonum diffusivum sui!
 
Ninnota l-effett ta’ mużika sabiħa
tibqa’ tixtered, lil hinn miż-żmien tal-artist;
ninnota l-ferħ taż-żeffiena
li tattira nies oħra fiċ-ċirku;
ninnota l-ġid tal-qaddisin
li jibqa’ għaddej wara mewthom.
 
Iseħħ għax għażilna Hu
għax irid isebbaħna bi frott li jibqa’
għax l-imħabba t’Alla mhix sentiment
imma għażla effikaċi.

Irrifletti

  • Liema frott qed isejjaħlek tagħti?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.