Ikla mhux tas-soltu!

Ikla mhux tas-soltu!

Niċċelebraw l-Evanġelju ta’ Corpus Christi.

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni, u isem il-Mulej insejjaħ.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

Fl-ewwel jum tal-Ażżmi, meta kienu jissagrifikaw il-ħaruf tal-Għid, id-dixxipli tiegħu qalu lil Ġesù: “Fejn tridna mmorru nħejju biex tiekol l-ikla tal-Għid?”.
Imbagħad hu bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Morru l-belt, u tiltaqgħu ma’ raġel iġorr ġarra ilma. Morru warajh, u għidu lil sid id-dar ta’ fejn tarawh dieħel: ‘Qallek l-Imgħallem: Fejn hi l-kamra tiegħi li fiha nista’ niekol l-ikla tal-Għid mad-dixxipli tiegħi?’. U hu jurikom kamra kbira fuq, imgħammra u lesta. Ħejjulna hemmhekk”.


U d-dixxipli marru u daħlu fil-belt, u sabu kollox kif kien qalilhom hu; u ħejjew l-ikla tal-Għid.
Huma u jieklu, ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newwilhulhom u qal: “Ħudu, dan hu ġismi”. Imbagħad ħa kalċi f’idejh, radd il-ħajr, u newwilhulhom, u lkoll xorbu minnu. U qalilhom: “Dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna. Tassew ngħidilkom, li ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa dakinhar li nixrob inbid ġdid fis-Saltna ta’ Alla”.
Imbagħad kantaw is-salmi u ħarġu lejn l-Għolja taż-Żebbuġ.

(Mk 14:12-16,22-26)

pexels/klaus nielsen: when food is prepared with love.

Riflessjoni u talba:

i.  Id-dixxipli tiegħu qalu lil Ġesù: “Fejn tridna mmorru nħejju biex tiekol l-ikla tal-Għid?” – Ġesù qalilhom: “U sid id-dar jurikom kamra kbira fuq, imgħammra u lesta. Ħejjulna hemmhekk”..

Hemm l-ikla li tispiċċa “tas-soltu”:
nieklu biex nieklu
l-ikla “ta’ kull sena”
l-ikla li nippreparaw aħna!
 
Imma d-dixxipli li marru biex jippreparaw
sabu kollox imħejji, kamra “imgħammra u lesta”:
ikla li ilha tiġi ppreparata
ikla ta’ ħelsien … mill-Eġittu, mill-jasar, mill-mewt
ikla li tibdel, tiġġenera, tittrasforma:
fil-post fejn il-bniedem ippjana biex jittradixxi, Alla inissel għaqda profonda!

Irrifletti

  • Kif tista’ terġa tiskopri l-ikla mhux tas-soltu, dik li ħejja Alla għalik?
pexels/marta dzedyshko: bread to be shared.


ii. 
Huma u jieklu, ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newwilhulhom u qal: “Ħudu, dan hu ġismi”.

Nieqaf quddiem kull ġest
u nistagħġeb quddiema Alla li sar bniedem
sabiex il-bniedem jiddi bil-presenza t’Alla!

Ħa l-ħobż f’idejh
b’għożża tal-frott tal-art … tax-xogħol tal-bniedem

Qal il-barka
b’apprezzament, gratitudni għal kull għotja tal-Ħallieq
b’ebda sens ta’ pretensjoni jew entitlement

Qasmu

għax l-imħabba vera dejjem tiftaħ biex ma tinsa lil ħadd

Newwilhulhom

għax Alla hekk: jersaq qrib, imantni, il-ġisem u r-ruħ!

Ħudu, dan hu ġismi.
Agħmel tiegħek dak li qed tirċievi: Alla li sar ġisem li jingħata.

Irrifletti

  • Liema ġest jista’ jagħmlek aktar uman?

pexels/cup of couple: wine of communion and hope.


iii. U qalilhom: “Dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna. Tassew ngħidilkom, li ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa dakinhar li nixrob inbid ġdid fis-Saltna ta’ Alla”.

Fil-mument tal-abbandun, ta’ strateġija biex jiġi eliminat,
ftit qabel ma’ bewsa issir strument biex ta’ ġewwa jaqlibhielu u jittradih
Ġesù jagħti ħajtu, demmu, bħala patt,
jassigura rabta li ma tinħallx: Alla mhux ser jabbanduna lill-bniedem.
 
Fil-mument fejn dak kollu li qed jiġri madwarek jgħidlek biex taqta’ qalbek
Ġesù jagħmel ġest, iwaqqaf sagrament, li jitkellem dwar futur, jassigura tama:
inbid ġdid fis-Saltna t’Alla.

Irrifletti

  • Fejn mistieden tagħmel ġesti li jitkellmu fuq tama?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.