Kmand li jgħinek timxi

Kmand li jgħinek timxi

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-24 Ħadd – B.

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Jien nimxi quddiem il-Mulej f’art il-ħajjin.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, telaq Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu lejn l-irħula ta’ Ċesarija ta’ Filippu. Huma u mexjin, lid-dixxipli tiegħu għamlilhom din il-mistoqsija: “Min jgħidu n-nies li jien?”. Weġbuh u qalulu: “Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, wieħed mill-profeti”. Staqsiehom: “Imma intom, min tgħidu li jien?”.

Qabeż Pietru u qallu: “Inti l-Messija”. Imbagħad ordnalhom ħafna biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuqu. U beda jgħallimhom fuq li kien meħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, ikun miċħud mill-anzjani u mill-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u wara tlitt ijiem jerġa’ jqum. Fuq dan kellimhom ċar. Pietru ġibdu lejh u beda jlumu. Iżda hu dar iħares lejn id-dixxipli tiegħu, u ċanfar lil Pietru u qallu: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan, għax m’intix taħseb fil-ħwejjeġ ta’ Alla, imma f’dawk tal-bnedmin!”.
Sejjaħ lejh in-nies flimkien mad-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u tal-Evanġelju, isalvaha. Għax x’jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu?”.

(Mk 8:27-35)

pexels/alexander wendt: follow me.

Riflessjoni u talba:

i. Huma u mexjin, lid-dixxipli tiegħu għamlilhom din il-mistoqsija: “Min jgħidu n-nies li jien?”… Qabeż Pietru u qallu: “Inti l-Messija”. Imbagħad ordnalhom ħafna biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuqu.

Huma u mexjin!
Għaddej djalogu profond
li jikkonkludi bi kmand qawwi (epitimàō):
biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuqu.
 
Għax l-għarfien profond tal-persuna ta’ Ġesù
ma jridx jingħalaq f’titlu, duttrina, ktieb
iżda jrid jiftaħ għal mixja-relazzjoni li tkompli.
Kompli miexi, miegħU, warajH.

Irrifletti:

  • Fejn weħilt f’ideat? Fejn mistieden għal relazzjoni aktar intima?
pexels/ahmad akacha: don’t get stuck.


ii. Pietru ġibdu lejh u beda jlumu. Iżda hu dar iħares lejn id-dixxipli tiegħu, u ċanfar lil Pietru.

Għal waqt waqaf kollox.
Pietru ġibdu lejh, ilumu, jikkmandah (epitimàō).
Irid iwaqqaf il-qalb tħabbat tal-Messija
milli tkompli miexja biex toqrob, biex tħobb.
 
Imma Ġesù jerġa jibda,
billi jdur, billi jħares lejn id-dixxipli, billi jċanfar/jikkmanda lil Pietru (epitimàō):
“tmurx fuq quddiem biex twaqqaf il-moviment ta’ Alla (Satana)
iżda imxi warajja,
anke jekk taħseb li mhux ser nasal” –
anke jekk ma tafx fejn kapaċi jasal il-Messija.

 

Irrifletti

  • Fejn tħossok ċert wisq mill-ideat tad-dinja li mhux lest tisfidahom bil-Vanġelu?
pexels/olly: support.


iii. Sejjaħ lejh in-nies flimkien mad-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja.”

Is-sejħa tqanqal il-mixja
tneħħi l-istaġnar
tnissel kapaċità li wieħed iħobb
bħalU, miegħU,
warajH.

Għax biex tħobb trid tagħżel li tmur wara
tinsa lilek innifsek u t-titli li jimlewk bid-duħħan
biex tmur wara ħalli ssostni
lit-tarbija anke meta tqum bil-lejl
lill-marid meta jħossu insigur u fraġli
lill-ħaddiema f’kumpanija fi żmien diffiċli
lill-mara, lir-raġel fil-limiti li l-ebda principe azzurro ma’ għandu
lill-membri tal-komunità
li forsi qatt m’hu ser japprezzaw il-ħidma tiegħek bla daqq ta’ trombi.

Irrifletti

  • Ir-relazzjoni ma’ Ġesù l-Messija kif issostnik fl-imħabbiet tiegħek?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.