Xbieha t’Alla
Niċċelebraw l-Evanġelju tal-25 Ħadd – B.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Il-Mulej hu dak li jżommni.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli tiegħu għaddew minn nofs il-Galilija, u ma ried li ħadd ikun jaf, għax beda jgħallem lid-dixxipli tiegħu u jgħidilhom: “Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-bnedmin u joqtluh; u meta jkun maqtul, wara tlitt ijiem iqum mill-mewt”. Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u beżgħu jistaqsuh.
Waslu Kafarnahum; u meta kienu d-dar staqsiehom: “X’kontu qegħdin titħaddtu bejnietkom fit-triq?”. Iżda huma baqgħu siekta, għax fit-triq kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq min kien l-akbar.
Imbagħad qagħad bilqiegħda, sejjaħ it-Tnax, u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd”.
U ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh u qalilhom: “Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ mhux lili, imma lil dak li bagħatni”.
(Mk 9:30-37)
Riflessjoni u talba:
i. Ma ried li ħadd ikun jaf, għax beda jgħallem lid-dixxipli tiegħu … Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u beżgħu jistaqsuh.
Waqt li mexjin fit-toroq tas-soltu
jagħmel mezz li jurihom stil ieħor ta’ kif iterrqu
l-istil tal-ħajja tiegħu, l-istil tad-dixxiplu.
Iżda l-biża’ jżommni milli nistaqsi:
il-biża li nitlef il-mod li mdorri bih
il-biża minn stil ta’ ħajja li ‘l bogħod wisq minn kif timxi d-dinja
il-biża li nammetti li l-mod tiegħi mhux bilfors l-aħjar.
Irrifletti:
- Liema biża’ jżommok milli timxi ‘l quddiem?
ii. Meta kienu d-dar staqsiehom … Iżda huma baqgħu siekta, għax fit-triq kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq min kien l-akbar.
Ġesù ma jibżax jistaqsi –
anke jekk jagħti l-libertà li wieħed ma jweġibx;
għax il-mistoqsija hija forma oħra ta’ mħabba
li tgħin biex persuna tmiss il-ġerħa sabiex tibda tfiq.
Mal-mistoqsija waqa’ s-skiet.
skiet li ġej minn mistħija?
skiet li ġej minn distanza bejn l-istil tagħhom u l-istil tiegħu?
skiet għax forsi iħossu li hemm baħar jaqsam bejnhom u bejnu?
Skiet li jista’ jkun il-bidu tal-fejqan.
Skiet li jista’ jqarreb dinjiet ‘l bogħod minn xulxin.
Skiet li jipprepara għal kelma-azzjoni ta’ ħolqien ġdid.
Irrifletti
- Fejn kellek esperjenza ta’ skiet? X’tinnota?
iii. Imbagħad qagħad bilqiegħda, sejjaħ it-Tnax, u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed … U ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh u qalilhom: “Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi …
Bħalma fil-bidu Alla qal
“Ħa nagħmlu l-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tagħna. … U hekk sar”;
bħalma “sawwar il-bniedem mit-trab ta’ l-art u nefaħlu fi mnifsejh nifs il-ħajja, u l-bniedem sar ħlejqa ħajja”;
hekk issa mad-dixxipli u miegħi.
Jekk trid tkun xi ħaġa
jekk trid tkun bniedem
kun xbieha t’Alla
taħrabx miċ-ċokon u mil-limiti tiegħek
ħalli l-Mulej iħaddnek …
m’għandekx bżonn timpressjona
tużax lil ħaddieħor bħala sellum
ilqa’ t-trab u l-limiti ta’ min hu ċkejken:
hemm l-id ta’ Alla, hemm in-nifs ta’ Alla.
Irrifletti
- Xi tfisser għalik li int maħluq xbieha t’Alla?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.