Min hu ta’ ġewwa?

Min hu ta’ ġewwa?

Niċċelebraw l-Evanġelju tas-26 Ħadd – B.

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Il-preċetti tal-Mulej dritti, u jferrħu l-qalb.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġwanni qal lil Ġesù: “Mgħallem, wieħed raġel, li s-soltu ma jkunx magħna, rajnieh ikeċċi x-xjaten f’ismek u ridna nżommuh, għax hu mhuwiex wieħed minn tagħna”. Imma Ġesù qal: “La żżommuhx, le, għax ma hemm ħadd li se jagħmel miraklu f’ismi u mbagħad malajr se jkollu ħila jgħid kontra tiegħi. Għax min mhuwiex kontra tagħna, huwa magħna.
 
Min jagħtikom tazza ilma x’tixorbu għax intom tal-Messija, ngħidilkom is-sewwa li ma jibqax mingħajr il-ħlas tiegħu. Imma min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jemmnu fija, ikun jaqbillu jekk jorbtulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin minn dawk li jdawru l-ħmir u jixħtuh fil-baħar.
 
U jekk idek hija għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’id waħda fil-ħajja, milli tmur b’idejk it-tnejn fl-infern, fin-nar li ma jintefiex. U jekk riġlek hu għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtgħu barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’riġel wieħed fil-ħajja, milli tinxteħet b’riġlejk it-tnejn fl-infern. U jekk għajnek hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’għajn waħda fis-Saltna ta’ Alla milli tinxteħet b’għajnejk it-tnejn fl-infern, fejn id-dud tagħhom ma jmutx u fejn in-nar ma jintefiex”.

(Mk 9:38-43,45,47-48)

pexels/lukas vanatko: expelled.

Riflessjoni u talba:

i. “Mgħallem, wieħed raġel, li s-soltu ma jkunx magħna, rajnieh ikeċċi x-xjaten f’ismek u ridna nżommuh, għax hu mhuwiex wieħed minn tagħna”.

Nitbandlu …
bejn “mhux kollox xorta!”, “ħalli lil kulħadd jaħseb u jagħmel li jrid!”
u kundanni lil min ma jaħsibhiex bħali
esklużjoni ta’ dawk li ma narawhomx fit-tribù tagħna
preġudizzji għax hemm dettall żgħir differenti.
“Ridna nżommuh”.
 
Bejn ir-relativiżmu għażżien u
l-qilla ta’ min jagħmel lilu nnifsi u l-grupp tiegħu l-kriterju assolut
Ġesù jindika triq oħra:
min-naħa l-appartenenza mhux għall-grupp iżda għall-persuna tiegħU u
min-naħa l-oħra l-emfasi fuq l-esperjenza:
“ma hemm ħadd li se jagħmel miraklu f’ismi
u mbagħad malajr se jkollu ħila jgħid kontra tiegħi.”

Irrifletti:

  • Meta tpoġġi lilek innifsek f’pożizzjoni li teskludi?
pexels/artempodrez: humble and generous


ii. Min jagħtikom tazza ilma x’tixorbu għax intom tal-Messija, ngħidilkom is-sewwa li ma jibqax mingħajr il-ħlas tiegħu.

Ġesù jkompli jaqleb kollox ta’ taħt fuq.
 
Id-dixxipli jħossuhom grupp
li jistgħu jiddeċiedu min hu barra u min ġewwa.
 
Ġesù jagħti kriterji oħra ta’ appartenenza:
ta’ ġewwa ma’ Ġesù min bħalu kapaċi jirċievi tazza ilma mingħand l-“oħrajn” –
inkluż is-Samaritana;
ta’ ġewwa min jagħti tazza ilma lil xi ħadd miċ-ċkejknin:
“kulma għamiltu mal-iżgħar għamiltuh miegħi.”

 

Irrifletti

  • Kif tgħix l-appartenenza tiegħek għall-persuna ta’ Ġesù?
pexels/gustavo fring: cutting to enhance life


iii. U jekk idek hija għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’id waħda fil-ħajja, milli tmur b’idejk it-tnejn fl-infern, fin-nar li ma jintefiex.

Jekk għandek tfittex li taqta’ barra
tfittixx li taqta’ barra lin-nies, lill-persuni, il-ħajja.
 
Pjuttost kun attent biex taqta’ barra
dak li jipprova jisraqlek il-ħajja, it-tajjeb, is-sabiħ.
 
Aħjar tbati għax ma tissodisfax xi aptit
milli tbati għax tħalli d-dnub joqtol il-ħajja fik.

Irrifletti

  • X’hemm li qiegħed ifixkel it-tajjeb fik? X’hemm bżonn taqta’?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.