Twelid tal-Verġni Marija

Twelid tal-Verġni Marija

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-Vitorja.

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Nifraħ b’ferħ kbir fil-Mulej!


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

Ktieb in-nisel ta’ Ġesù Kristu, Bin David, bin Abraham. Abraham nissel ’l Iżakk, Iżakk nissel ’il Ġakobb, Ġakobb nissel ’il Ġuda u ’l ħutu, Ġuda nissel lil Fares u lil Żaraħ minn Tamar, Fares nissel lil Ħesron, Ħesron nissel lil Aram, Aram nissel ’il Għaminadab, Għaminadab nissel ’il Naħson, Naħson nissel ’il Salmon, Salmon nissel ’il Bogħoż, minn Raħab, Bogħoż nissel ’il Għobed, minn Rut, Għobed nissel ’il Ġesse.
Ġesse nissel lis-sultan David, David nissel ’il Salamun, mill-mara ta’ Urija, Salamun nissel ’il Robogħam, Robogħam nissel ’l Abija, Abija nissel ’l Asa, Asa nissel ’il Ġosafat, Ġosafat nissel ’il Ġoram, Ġoram nissel ’il Għużżija, Għużżija nissel ’il Ġoatam, Ġoatam nissel ’l Aħaż, Aħaż nissel ’il Ħeżekija, Ħeżekija nissel ’il Manasse, Manasse nissel ’l Amon, Amon nissel ’il Ġosija, Ġosija nissel ’il Ġekonija u ’l ħutu; kien żmien l-eżilju f’Babel.


Wara l-eżilju f’Babel, Ġekonija nissel ’il Salatjel, Salatjel nissel ’il Żorobabel, Żorobabel nissel ’l Abihud, Abihud nissel ’l Eljakim, Eljakim nissel ’l Ażor, Ażor nissel ’il Sadok, Sadok nissel ’l Akim, Akim nissel ’l Elihud, Elihud nissel ’l Elgħażar, Elgħażar nissel ’il Mattan, Mattan nissel ’il Ġakobb, Ġakobb nissel ’il Ġużeppi, ir-raġel ta’ Marija, li minnha twieled Ġesù, li jsejħulu Kristu.


It-tnissil ta’ Ġesù Kristu sar hekk: Ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, ħarġet tqila bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u li ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel f’rasu li jibgħatha bil-moħbi tan-nies. Wara li qatagħha li jagħmel hekk, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, la tibżax tilqa’ għandek lil Marija b’martek, għax dak li tnissel fiha ġie bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Hi jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom”.


Dan kollu ġara biex iseħħ li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: ‘Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemmuh Għimmanu-El’, li bi lsienna jfisser ‘Alla magħna’.

(Mt 1: 1-16. 18-23)

pexels/dziana hasanbekava: there’s a home for you.

Riflessjoni u talba:

i. Ġuda nissel lil Fares u lil Żaraħ minn Tamar … Salmon nissel ’il Bogħoż, minn Raħab.

L-ewwel mara li tissemma jisimha Tamar.
Wara li kienet baqgħet armla bla ulied għal darba darbtejn
wara li daħqet b’Ġuda li ma kienx qed jonora l-obbligi tiegħu
tnissel minnu tewmin, parti mir-razza tal-Messija,
li jsalva dik l-istorja.
 
U t-tieni Raħab, prostituta f’Ġeriko,
li fil-mument kruċjali għarfet li bħal Alla ma hemmx,
u poġġiet il-fiduċja fiH li jrodd lura d-dinjità li kienu serqulha.

Irrifletti:

  • Fejn tara lil Alla jikteb dritt fuq rigi mgħawġa?
pexels/janine beth salazar: there’s room for renewal


ii. Bogħoż nissel ’il Għobed, minn Rut … David nissel ’il Salamun, mill-mara ta’ Urija.

Isem Rut sab postu hemm
fir-razza tant għażiża tal-Messija;
Hi li kienet barranija
issa ta’ ġewwa.

U fejn naħbu l-istejjer koroh tal-familja
u hemm jibqgħu inixxu u jdennu,
in-nisel ta’ Ġesù Kristu jsemmi l-mara ta’ Urija
biex is-serq u l-qtil ta’ David jista’ jitfejjaq mill-Messija.

Irrifletti

  • Liema stejjer f’ħajtek hemm bżonn jiġu integrati?
pexels/ron lach: touched by God


iii. “Ġużeppi, bin David, la tibżax tilqa’ għandek lil Marija b’martek, għax dak li tnissel fiha ġie bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu.”… Dan kollu ġara biex iseħħ li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: ‘Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemmuh Għimmanu-El’, li bi lsienna jfisser ‘Alla magħna’

Inti wkoll tibżax tieħu lil Marija għandek
għax dak li tnissel fiha ġie bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu
biex ikun Alla-magħna
ħa jġedded u jfejjaq
ħalli nkunu bnedmin li nonoraw il-kelma li tajna
ħalli fis-siegħa tal-prova nagħarfu f’min għandna npoġġu l-fiduċja
ħalli jgħinna nibnu dar fejn ħadd ma jħossu barrani
u t-toroq iserrpu iwasslu mhux għall-irdum iżda
għal dak li lesta Alla għal dawk li jħobbuh.
Tibzax tieħu lil Marija għandek.

Irrifletti

  • Sliem għalik Marija …


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.