X’għandna nagħmlu?
Niċċelebraw l-Evanġelju tat-3 Ħadd tal-Avvent – C.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Iżrael.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, in-nies kienu jistaqsu lil Ġwanni u jgħidulu: “Mela x’għandna nagħmlu?”. U huwa kien iweġibhom: “Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn, u min għandu x’jiekol jagħmel l-istess”. Resqu wkoll xi pubblikani biex jitgħammdu u qalulu: “Mgħallem, x’għandna nagħmlu aħna?”. U huwa weġibhom: “Tissikkaw lil ħadd biex jagħtikom taxxi iżjed milli jmisskom tieħdu”. Staqsewh ukoll xi suldati u qalulu: “U aħna, x’għandna nagħmlu?”. U huwa weġibhom: “Tisirqu lil ħadd bit-theddid jew bil-qerq tagħkom, u kkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom”.
Il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija. Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa u jiġbor il-qamħ fil-maħżen tiegħu, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex”. U b’ħafna twissijiet oħra kien ixandar lill-poplu l-bxara t-tajba.
(Lq 3: 10-18)
Riflessjoni u talba:
i. In-nies kienu jistaqsu lil Ġwanni u jgħidulu: “Mela x’għandna nagħmlu?”. U huwa kien iweġibhom: “Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn, u min għandu x’jiekol jagħmel l-istess”
It-triq tal-hena tibda billi tiftaħ il-bieb
biex titlob parir
biex tinfetaħ għan-nar tal-Ispirtu t’Alla
biex tħallih jibdlek.
Agħmel l-ewwel pass:
aqsam minn dak li għandek.
Dak li int u dak li għandek
użah biex tibni relazzjoni
żviluppah biex tagħti ħajja.
Irrifletti:
- X’tixtieq tagħmel illum?
ii. Staqsewh ukoll xi suldati u qalulu: “U aħna, x’għandna nagħmlu?”. U huwa weġibhom: “Tisirqu lil ħadd bit-theddid jew bil-qerq tagħkom, u kkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom”.
Is-suldati wkoll fetħu l-bieb u ħadu parir flimkien.
Għandhom il-forza –
forza intiża biex tieħu ħsieb l-ordni
biex mhux min hu b’saħħtu imma wkoll min dgħajjef jista’ jgħix.
“Għixu b’mod awtentiku:
tkunux intom li ġġibu d-diżordni!
L-ewwelnett ħudu ħsieb li jkun hemm ordni f’ħajjitkom,
tinħakmux mill-kilba li tavvelena kull azzjoni tagħkom.
Issirux skjavi tal-ġid.”
Irrifletti
- Liema sentiment iġib diżordni fik? X’inhu dak li jnissel paċi?
iii. Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma jmewtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għall-għarrieda. Għax hu Jum li għad jaqa’ bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-art kollha. Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kulma għandu jiġri u tieqfu quddiem Bin il-bniedem”.
Hemm mod kif ma ninġarrx.
Evita l-aljenazzjoni
li ħajtek tinħela fuq xewqat li ma jwasslux fil-bogħod
“drogi” li jnessuk dak li l-provvidenza t’Alla qed tippreparaw għalina u għal kulħadd:
“Qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u sokor ma jmewtulkomx qalbkom.”
Iftaħ għajnejk fit-talb
biex it-taħwid li tiltaqa’ miegħu ma joħodlokx iċ-ċarezza u d-direzzjoni ta’ ħajtek,
biex meta ma jiġix kollox kif immaġinajt ma tinteliex b’dieqa li ma tħallikx timxi,
biex tkompli tfittex u ssib il-qawwa misterjuża li hi indispensabbli biex tiltaqa’ miegħU:
“Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu.”
Irrifletti
- Ieqaf ftit fis-skiet. Infetaħ għall-futur li hu f’idejn Alla.
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.