Sorpriża tal-aħħar?

Sorpriża tal-aħħar?

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-tlugħ fis-sema tal-Mulej.

pexels/quang nguyen: where heaven meets earth, be open for surprises.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
 

Tela’ Alla b’għajat ta’ ferħ.

1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla   

F’dak iż-żmien, il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù. Kif rawh, inxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien”. Mt 28:16-20

pexels/yunustug: sifting for God.

i. F’dak iż-żmien, il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù.

Hemm xi ħadd nieqes.
Fallejna x’imkien:
ħdax biss!
 
U d-dinja għada li hi
bil-konfużjoni tagħha:
hemm, il-Galilija.
 
Imma bħala dixxipli nimxu ‘l hemm
għal appuntament mal-irxoxt
 
biex niltaqgħu miegħU
fit-tnax-il wieħed li għad irridu niskopru
fil-kultura li Hu qed isalva.

Irrifletti:

  • Fejn iltqajt mal-presenza tal-Irxoxt?mi l-imħabba li hemm f’qalbek?

pexels/pavel danilyuk: doubts shape the journey of the painting.

ii. Kif rawh, inxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw.

Minn fejn ġietni l-idea
li l-fidi ktieb miktub f’tħarbixa waħda
li pittura riżultat ta’ pinzellata waħda
li biċċa mużika isseħħ f’nota waħedha.
 
Ma hemmx storja ta’ fidi
mingħajr taqbida mad-dubji;
ma nistgħux inkunu komunità ta’ fidi
jekk naqsmux ukoll il-mistoqsijiet kbar li nġorru.

Irrifletti:

  • Liema mistoqsijiet immarkaw l-istorja tal-fidi tiegħek? Liema mistoqsijiet iġġorr illum?

pexels/pexlao: Go spread the good news.

iii. “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien.

Ikolli nirrevedu x’nifhem biha
il-kelma “setgħa”.
 
Dak li għandu kull setgħa
jieħu d-distanza, “jitla’ s-sema”
jagħti spazju lill-bniedem biex jaġixxi:
 
mhux għax bla dubji
mhux għax perfetti
 
imma għax is-setgħa ta’ Alla hekk:
qawwa li tinfetaħ biex tqawwi u tagħti l-ħajja
setgħa li jirċievi mill-Missier u jgħaddi fl-Ispirtu
qawwa li kull nisrani mistieden jaqsam bl-istess mod:
mhux biex jikkontrolla u jifga
iżda biex jaqsam il-ħajja t’Alla li rċieva.

Irrifletti:

  • Ikkontempla kif Alla jħaddem is-setgħa tiegħu fi fjura li qed tikber u tfewwaħ. 

3. Missierna  

Comments are closed.